Lokali

“Dan kien budget li jindirizza l-ħtiġijiet tal-lum biss” – Kap tal-PN Bernard Grech

Budget mingħajr strateġija u mingħajr sens ta’ direzzjoni

“Budget mingħajr ebda strateġija, mingħajr ebda sens ta’ direzzjoni, mingħajr ebda viżjoni. 92 paġna ta’ diskors, tlieta biss dwar Malta ta’ għada. M’hemm xejn għal għada ħlief dejn.”

Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-budget 2022 waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħaxija.

Huwa spjega li “dan il-budget mhux kredibbli.” Dan għaliex insista li l-Gvern tal-Labour diġà falla bil-kbir din is-sena fil-miri finanzjarji tiegħu. Issa, għas-sena d-dieħla reġa’ qiegħed jipproġetta l-istess defiċit li kien wiegħed għal din is-sena.

“Din is-sena l-Gvern qed jammetti li d-defiċit se jkun id-doppju ta’ dak li preveda.”

Bernard Grech saħaq li dan huwa budget fl-arja, għaliex minkejja defiċit ħafna ikbar milli wiegħed, ma wettaqx terz tal-miżuri tal-budget tas-sena li għaddiet. “Ma rnexxilhomx iwettqu miżura minn kull tlieta li l-poplu kien imwiegħed is-sena l-oħra.”

Huwa saħaq li dan il-Gvern spiċċa dejjen lil pajjiżna – €5 biljun dejn bejn l-2020 u l-2024. 

“Il-Ministru Clyde Caruana qal, ftit qabel il-budget, li l-pandemija swietna €1.5 biljuni. Din id-diskrepanza enormi turi li d-dejn mhux tort tal-Covid imma huwa frott fost oħrajn..il-korruzzjoni, nuqqas ta’ direzzjoni u tħejjija għall-ġejjieni.”

Miżuri tajbin li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti fuqhom iżda budget li nesa lill-frontliners

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li dan hu budget li nesa għal kollox il-frontliners fosthom nurses, tobba, għalliema, l-LSEs, il-pulizija, kollha minsijin, kollha injorati u mwarrba.

Dan filwaqt li Bernard Grech qal ukoll li fil-budget hemm miżuri tajbin li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti fuqhom, fosthom dawk tal-mediċini b’xejn inkluż tal-IVF…dan ifisser li qiegħed jammetti li s-servizz ma kienx b’xejn..minkejja li x-Xandir tal-Istat, flimkien mal-Gvern…ħareġ imeri lill-Partit Nazzjonalista.

Madankollu huwa saħaq li l-budget ma fih ebda viżjoni fuq setturi ewlenin tal-ekonomija. Ma hemm xejn fuq il-manifattur, it-turiżmu, servizzi finanzjarji. Huwa sostna li l-blockchain spiċċat imwarrba wkoll – issa l-istess Ministru tal-Finanzi fl-aħħar jiem saħaq li din kienet biss buzzword.

“Il-gvern jiftaħar bil-Park tal-Avjazzjoni, Kordin Business Incubation Centre, Żoni Industrijal madankollu dawn huma investimenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.”

Għajnuna mgħotija li tindirizza l-għoli tal-ħajja “ftit wisq”

Bernard Grech sostna li l-Gvern ma semma xejn dwar l-għoli tal-ħajja u l-għajnuna mogħtija hija ftit wisq għaż-żidiet. Il-flus tberbqu fuq konsulenzi. Ma ssemma xejn għall-industrija biex jgħinna taffronta l-kriżi tat-trasport fejn tidħol l-importazzjoni/esportazzjoni.

“L-industrija trid taffronta s-sitwazzjoni waħedha – €1.75 għal għoli tal-ħajja…imma għal Vitals u Electrogas kellu l-miljuni.”

Bernard Grech saħaq li qed inżidu d-dejn ta’ pajjiżna b’4 miljun ewro kuljum u għal pensjonant il-Gvern kellu 71 ċenteżmu u għall-bqija 25 ċenteżmu. Biex tlaħħaq mal-ħajja, il-Labour qed jgħidlek mur sib job ieħor.

“Work-Life Balance? Pjuttost aħdem aktar biex forsi tlaħħaq.”

Saħaq li dan hu budget bla viżjoni għal kwalità tal-ħajja u mingħajr ebda viżjoni fuq l-ambjent.

Il-Kap tal-PN qal li t-Trasport b’xejn għal kulħad ifisser ħafna – jekk issir. Għax diġà, sal-bieraħ metro tiela’ u metro nieżel u lanqas ewro biex nagħmlu studju m’għandna..bil-budget tal-lum lanqas biss isemmi dal il-proġett.

Għada tistennewx la l-metro u lanqas li se tirkbu tal-linja b’xejn. Trid tistenna budget ieħor!

“Dak li serqek il-Gvern tal-Labour mill-kontijiet…mhux se teħodhom lura”

Dwar is-settur għall-enerġija, il-Ministru Clyde Caruana qal li ser jirranġa mekkaniżmu tal-kontijiet iżda mhux meta. Bernard Grech iddeskriva dan il-budget bħala wieħed li ma offra xejn ġdid, li intqal biex isikket ħalq in-nies qabel elezzjoni ġenerali.

“Dak li serqek il-Labour mhux se jtihulek lura. Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħtik dak li nsteraqlek.”

Dwar governanza fil-budget hemm paragrafu biss għal dik li hi probabbli l-akbar problema li taffettwa l-futur ta’ pajjiżna. Il-grey-listing –

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan mhux il-pajjiż li qed jaspira għalih il-Partit Nazzjonalista. Mhux il-pajjiż li jrid il-poplu Malti.

Gvern Nazzjonalista jkun garanzija ta’ pajjiż b’saħħtu biex flimkien ikollna poplu b’saħħtu.

Intant mistoqsi dwar is-sistema tal-COLA u ż-żieda ta’ €1.75 biss il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li minkejja li l-Gvern tal-Labour qal li se jtina xi ħaġa differenti huwa lissen dak li ilu jeżisti, Bernard Grech insista li Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex verament il-poplu jkollu mutur li jaħdem favur il-ġid għal ħajjithom sabiex b’introjtu aktar xieraq ilaħqu mal-ħajja.

Huwa rrikonoxxa li fejn ikun hemm bżonn kull Gvern għaqli jissellef iżda jrid jaħseb kif se jiddiversifika l-ekonomija, kif se joħloq niċeċ ġodda – iżda insista li dan il-Gvern tal-Labour ma ħaseb f’ebda industrija ġdida ħlief dak li jbigħ il-passaporti.