Wara li l-MUT u l-edukaturi ma kienux involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget, qed naraw ir-riżultat ta’ dan in-nuqqas. Minflok Budget li jagħti viżjoni lill-qasam edukattiv, għandna wieħed li qed ikompli jinjora l-isfidi fil-qasam. Għaldaqstant, f’dan il-Budget, bħal ħafna oħrajn qablu, wieħed jinnota l-aktar dak li tħalla barra aktar milli dak li ntqal.
Hekk qalet l-Union tal-Għalliema fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget, li pereżempju, jsemmi li ser isiru Autism Units fl-iskejjel u ma jirrikonoxxix l-isforzi li saru, u qed isiru, minn ħafna skejjel biex joħolqu dawn l-ispazji li diġà jeżistu fl-iskejjel.
Isemmi li se jipprovdi servizzi ta’ għajnuna lil studenti b’diżabbiltà wara l-post-sekondarja meta hu ċar li dan is-servizz hu meħtieġ fil-post-sekondarja. Isemmi t-tisħiħ professjonali, li jinkludi l-LSEs u l-KGEs, li hu tajjeb, meta dan sar b’Liġi li ilha snin li għaddiet u għadha ma ġietx implimentata.
Isemmi r-rabtiet tal-edukazzjoni mal-industrija u l-ħiliet neċessarji meta l-għan tal-edukazzjoni għandu jibqa’ dak li jwassal lil kull student biex jilħaq il-potenzjal u m’għandu qatt ikun sostitwit minn għanijiet oħra.
L-MUT qalet li l-Budget iħalli barra wkoll pjan biex jiġu mirbuħa numru ta’ sfidi fil-qasam. Tħalla barra, pereżempju, il-pjan għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema, li bħalma nafu fl-aħħar ġimgħat ħalliet konsegwenzi fuq għadd ta’ edukaturi li rċievew deployment fl-aħħar jiem qabel bdiet l-iskola.
Wieħed kien jistenna li għallinqas tiġi rikonoxxuta bħala problema bi pjan għas-snin li ġejjin. Tħallew barra wkoll inċentivi biex jiġu attirati żgħażagħ lejn il-professjoni. Tħallew barra miżuri biex l-edukaturi jingħataw l-għodod biex jaħdmu. Tħalliet barra viżjoni fit-tul għall-qasam edukattiv li l-pajjiż tant għandu bżonn.
L-MUT għaldaqstant qalet li tħoss li l-Gvern mhux qed jieħu d-diffikultajiet fil-qasam edukattiv bis-serjetà u mhux qed jagħti każ x’qed jgħidu l-edukaturi. Għaldaqstant, l-Union tispera li l-Gvern iwieġeb aktar għal dawn il-problemi.
//= $special ?>