Internazzjonali

Il-Covid fl-Awstralja: Tmiem tal-lockdown f’Sydney li dam għal 107 jiem

Ir-residenti fil-belt ta’ Sydney qed jiċċelebraw ‘nifs ġdid tal-ħajja’ wara t-tmiem ta’ lockdown li kien ilu għal kważi erba’ xhur b’kaġun tal-firxa tal-infezzjonijiet mill-Covid-19.

Fil-fatt, iċ-ċittadini f’din il-belt issa qed igawdu libertà ġdida, bil-pubs u l-istabbilimenti kummerċjali jiftħu min-nofs il-lejl tal-Ħadd ‘għal din l-okkażjoni speċjali’.

Dan waqt li eluf ta’ residenti f’Sydney setgħu jiltaqgħu mill-ġdid mal-ħbieb  waqt li jżuru d-djar tal-qraba wara daqstant ġimgħat diffiċli.

U waqt li dan hu ż-żmien għal ‘reunions’ soċjali, ħadd fost ir-residenti mhu se jinsa s-sagrifiċċji li kellu jagħmel waqt li jirrispetta r-regoli tas-saħħa. Fil-fatt ir-regoli tal-Covid, fl-aħħar xhur, ma permettewx ‘iż-żjarat għand in-nies’ waqt li l-ebda resident ta’ Sydney ma seta jivvjaġġa ‘il hinn minn zona stabbilita ta’ mhux aktar minn ħames kilometri.

Madankollu, il-parti kbira nett tar-restrizzjonijiet issa tneħħew għar-residenti ta’ Sydney li ngħataw it-tilqima sħiħa kontra l-virus. Dan ifisser li n-nies jistgħu jieklu mill-ġdid maġenb xulxin fir-ristoranti u l-kafeteriji waqt li jiffrekwentaw il-libreriji, il-gymnasiums u l-pools.

Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll is-sriebet twal tan-nies barra l-ħwienet tax-xagħar u l-beauty salons ta’ Sydney – bl-aktar sentenza favorita fuq fomm ir-residenti tirreferi ‘għall-aqwa nhar ta’ Tnejn fl-esperjenza tagħhom’.