Budget 2022 Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern ma jħabbar ebda skola ġdida

Il-problemi fit-tul li qed jaħkmu l-edukazzjoni, ir-rata għolja ta’ early school leavers, studenti li ma jiksbux il-ħiliet biex jirnexxu fid-dinja moderna u n-nuqqas kroniku ta’ edukaturi, mhux qed ikunu indirizzati f’dan il-budget.

Fid-diskors tal-Ministru Clyde Caruana, jagħmel referenza għall-dawn ir-realtajiet iżda d-diskors hu nieqes minn soluzzjonijiet konkreti.

Għall-early school leavers u n-nuqqas ta’ ħiliet, il-Gvern iħares lura flok ‘il quddiem u jfaħħar lilu nnifsu li nvesta fil-passat biex it-tfal ikomplu jistudjaw.

L-istess għall-problema serja ta’ nuqqas ta’ edukaturi. Il-Unions ilhom issa numru ta’ snin iwissu li s-sitwazzjoni qed tmur lura, bil-professjoni m’għadhiex tattira biżżejjed żagħżagħ biex jagħżlu karriera fl-edukazzjoni.

Iżda għall-2022, il-miżura tal-Gvern hi li se jara li tidħol fis-seħħ liġi ġdida li għandha ssaħħaħ l-istatus tal-professjoni tal-edukaturi inkluż KGE’s u LSE’s.

Li mhux qed jingħad iżda, hu li ninsabu ftit xhur, jekk mhux ġimgħat bogħod minn elezzjoni ġenerali u bħalma jiġri fi tmiem kull leġislatura, kull abbozz jispiċċa fix-xejn max-xoljiment tal-Parlament.

Il-Gvern ħabbar li l-istipendji tal-istudenti se jiżdiedu b’10 fil-mija u ma jitilfux id-dritt tal-istipendju jekk ikunu qed jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa.

U bħalma issa saret drawwa fil-Budgets tal-Gvernijiet tal-Labour f’dawn l-aħħar snin, sena wara l-oħra jissemmew il-bini tal-iskejjel ġodda li suppost ilhom li tlestew.