Il-Kamra tan-Negozju f’Għawdex tinnota l-miżuri inklużi fil-Budget ta’ din is-sena. B’mod ġenerali, dan joħloq bilanċ tajjeb bejn l-isfera soċjali u l-ħtiġijiet tan-negozji fi ħdan il-qafas strateġiku u direzzjoni tas-sostenibbiltà. Peress li l-Budget qed jadotta viżjoni orizzontali, huwa importanti li s-servizzi soċjali li ssemmew fil-Budget, inklużi s-servizzi għal persuni b’diżabilità jiġu offruti wkoll f’Għawdex. Dan jinkludi l-ħidma tal-“Fondazzjoni għal akkomodazzjoni” kif imsemmi fil-Budget.
Is-suq tad-djar f’Għawdex qed jiffaċċja sfidi speċifiċi kkawżata minn enfasi f’dawn l-aħħar snin fuq l-iżvilupp tal-art fi blokok ta’ appartamenti immirati l-aktar għar-residenti Maltin li qed jixtru t-tieni dar tagħhom f’Għawdex. Dan ikkawża
żieda fil-prezz tal-proprjetà għax-xerrejja għall-ewwel darba. Dawn ix-xejriet fuq dimensjoni reġjonali jeħtieġ li jiġu eżaminati u indirizzati.
Fir-rigward tal-infrastruttura l-Kamra tixtieq ittenni l-ħtieġa għal sptar ġdid f’Għawdex biex jikkumplimenta l – investiment fil-Kampus tal-Università Queen Mary ta’ Londra, u l-estensjoni tal-port tal-Imġarr. Il-Kamra tixtieq ittenni li huwa meħtieġ mudell ġdid dwar kif jiġi mmaniġġjat iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni Diġitali fix-Xewkija.
Il-GBC tkompli tgħid li huwa importanti li wieħed iqis is-sostituzzjoni tal-ferries tal-Gozo Channel u speċjalment ir-raba’ ferry ikun ferry hybrid fis-snin li ġejjin. L-elettrifikazzjoni tal-port f’Għawdex għandu jkun ukoll proġett importanti li jkun jaqbel mad-direzzjoni ġenerali li Għawdex isir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju qabel Malta. Il-Kamra ttenni l-impenn tagħha għar-rabta permanenti bejn Għawdex u Malta, u li l-ħidma fuq dan il-proġett għandha tkompli matul l-2022.
//= $special ?>