Internazzjonali

Il-Polonja: Il-Gvern jiċħad li għandu l-intenzjoni li joħroġ mill-UE wara l-protesti fuq livell nazzjonali

Il-Gvern tal-Polonja qed jiċħad kategorikament li għandu l-intenzjoni li joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara spekulazzjoni li l-Ewropa tista’ qed tara l-bidu ta’ proċess imlaqqam ‘Polexit’. Intant, eluf kbar ta’ Pollakki li huma favur l-isħubija ta’ pajjiżhom fl-UE, nhar il-Ħadd, ħadu sehem f’sensiela ta’ protesti madwar il-pajjiż biex isostnu r-rieda li l-Polonja tibqa’ tifforma parti mill-Unjoni ta’ 27 Stat.

Ir-rallies madwar il-Polonja saru bi tweġiba għal digriet mill-Ogħla Qorti fil-Polonja li qed isostni li ‘il-liġijiet ewlenin tal-UE huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni tal-pajjiż.’

Ir-reazzjoni kienet waħda mqanqla, bil-protesti jsiru f’madwar 100 belt tal-pajjiż, b’aktar minn 100,000 jinġabru fil-kapitali Varsavja, matul il-lejl. Dan fost id-diversi dimostrazzjonijiet bit-tema li ‘il-Polonja għandha żżomm postha bħala membru tal-Unjoni’.

Fl-istess ħin, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Industrija u s-Suq Intern, Thierry Breton, qal li ‘ma jemminx imqar għal sekonda’ li l-Gvern Pollakk seta xi darba ħaseb biex itemm l-isħubija fl-Unjoni.

Dan meta l-istħarriġ ta’ opinjoni kemm-il darba qed juri appoġġ qawwi għall-isħubija fl-UE fost il-votanti Pollakki. L-aqwa dimostrazzjoni ta’ dan kienu l-attivitajiet tal-Ħadd fejn politiċi tal-Oppożizzjoni u l-attivisti minn diversi setturi soċjali ukoll ħadu sehem fil-protesti biex il-Polonja ‘tibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea’.

Intant, Donald Tusk, l-eks President tal-Kunsill Ewropew u llum Kap tal-Partit Pjattaforma Ċivika fl-Oppożizzjoni, sejjaħ biex in-nies ikomplu jsemmgħu leħinhom biex ‘jiddefendu lill-Polonja Ewropea’.

Id-deċiżjoni tal-Ogħla Qorti fil-Polonja effettivament ċaħdet għall-prinċipju ewlieni li l-liġijiet tal-UE jieħdu priorità fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. Din, fil-fatt, kienet l-aktar sfida sinifikanti s’issa għas-supremazija tal-liġijiet tal-Unjoni.

Sadanittant, il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, iddefenda d-deċiżjoni tal-qorti iżda sostna wkoll li l-partit tiegħu fil-Gvern ma kienx qed jippjana għal ‘Polexit’. Morawiecki anki fisser l-ispekulazzjoni bħala ‘xi ħaġa bbażata fuq ħrafa u li qed tkun iċċirkulata mill-Oppożizzjoni Pollakka’.