Lokali

Imut Fonzu tal-Ħamrun

Il-Ħamrun illum qamet maħsuda bl-aħbar tal-mewt ta’ Alphonse Farrugia, magħruf bħala Fonzu, li hu sid stabbiliment ewlieni ta’ bejgħ ta’ prodotti alkoħoliċi u tal-gass.

Fonzu miet fl-età ta’ 82 sena mdawwar mis-seba’ uliedu. Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm dawk li ħadmu miegħu fil-qrib u li ddeskrivewh bħala ġentlom b’qalb tad-deheb.

Hu magħruf sew fil-komunità Ħamruniża, partikolarment għas-simpatija tiegħu, iżda wkoll għall-impenn fil-volontarjat u l-ġenerożità tiegħu ma’ min ikun fil-bżonn.

Fost l-entitajiet fil-lokalità li sellmulu kien hemm il-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini, fi ħdan is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp.

Fonzu se jingħata l-Aħħar Tislima l-Erbgħa, fit-3pm, fil-Knisja Arċipretali tal-Ħamrun, iddedikata lil San Gejtanu.