Ekonomija Lokali

KONFERMA MILL-NSO: L-ogħla livell ta’ inflazzjoni fl-aħħar 3 snin

Anke l-kontijiet tad-dawl kienu għoljin ferm aktar mis-soltu

Fl-aħħar seba’ xhur, l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna kompliet tisplodi ‘l fuq. Dan kien konfermat minn ċifri tal-NSO li ġew pubblikati llum.

Iċ-ċifri tal-NSO għal Settembru juru li l-akbar żidiet kienu fil-prezzijiet tal-istationary, spejjeż edukattivi, apparat awdjo-viżiv, kif ukoll ikel u xorb. Kien hemm ukoll żidiet fil-prezz ta’ apparat domestiku u anke l-ħwejjeġ.

L-istatistika tindika b’mod ċar il-qabża li kien hemm fl-inflazzjoni minn Jannar sal-lum, hekk kif minn 0.33 fil-mija l-Indiċi tal-Prezzijiet tela’ għal 2.25 fil-mija.

F’Settembru, l-akbar żieda kienet innutata fil-prezz tal-ikel. Dan qed jinħass ukoll fix-xirja bażika li ssir b’mod regolari mill-familji Maltin, fejn iż-żidiet huma konsiderevoli kważi fuq il-prodotti kollha; il-ħobż, iż-żejt, id-dqiq, prodotti ippakjati u anke prodotti tal-ħasil u iġene personali.

Lil hinn mill-istatistika, wieħed irid jinnota wkoll kif f’dawn il-jiem il-familji irċievew kontijiet ferm għoljin tad-dawl u l-ilma – fattur li poġġa’ piż akbar fuq il-ħaddiema.