Ninsabu fi żmien fejn it-tibdil fil-klima tela’ fuq l-aġenda internazzjonali u kull pajjiż madwar id-dinja qiegħed juri kif ser ikun qed jgħin f’din il-ġlieda… u għaliex il-Gvern Laburista ilu snin ikaxkar saqajh dwar din it-tema, f’dan il-Budget kien kostrett jieħu d-deċiżjonijiet f’mument ta’ paniku quddiem l-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima.
Ħafna mill-inizjattivi li ħabbar il-Gvern fis-settur ambjentali huma mposti mill-Unjoni Ewropea, u kellu jagħmilhom bilfors…filwaqt illi huwa evidenti li ma ħariġx bihom hu.
Intant, fost il-wegħdi bombastiċi fil-ġurnata tal-Budget li issa huwa sinonimu magħhom il-Gvern Laburista hemm; li se jitniedu miżuri biex ikun imħeġġeġ żvilupp komprensiv u uniformi li jirrispetta l-ambjent urban ta’ pajjiżna. Pero ma qalx x’se jiġri mill-iżvilupp bla rażan li diġa sar.
Għal sena oħra, fil-Budget, il-Gvern qal li se jkun qed iħawwel is-siġar fejn saħansittra qal li l-park taż-Żonqor li l-ħidma fuqu diġa ilha għaddejja, issa se jitlesta fi żmien sitt snin u se jkollu siġar iktar mill-Buskett.
Fid-diskors tiegħu, meta tkellem dwar l-ambjent, il-Ministru tal-Finanzi semma’ diversi proġetti li kienu diġa tħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew fosthom tal-ġonna vertikali. Il-Gvern wiegħed li se jsir tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ parks madwar Malta u Għawdex, proposta li dwarha ilu jisħaq il-Partit Nazzjonalista.
Tħabbru skemi għall-użu ta’ enerġija nadifa, reġa’ ssemma’ il-proġett tax-Shore to Ship, fond biex binjiet tal-Gvern jiġu mgħammra b’sistemi ta’ pannelli… se jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ f’Għawdex u jinbidel id-dawl fil-Belt Valletta.
Ser tingħata għotja għal min inaqqas l-emmisjonijiet u se jiġu assistiti intrapriżi biex ibiddlu vetturi tal-fjuwil għal dawk elettriċi.
U wara snin fil-Gvern, fl-aħħar, il-Partit Laburista wiegħed li se jitwaħħlu madwar 1,000 charging points għall-vetturi elettriċi madwar il-pajjiż fi żmien tliet snin. Xi ħaġa li dwarha ilu jinsisti għal xhur sħaħ il-PN.
Intant, għal sena oħra, f’dan il-Budget, saret referenza minima għall-Kunsilli Lokali; xiehda oħra ta’ kemm il-Gvern ma jemminx fil-Kunsilli.
//= $special ?>