Budget 2022

L-ebda referenza għat-tliet sptarijiet pubbliċi

Kif kien mistenni, fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ta’ Robert Abela reġa’ naqas milli jagħmel referenza għall-fatt li tliet sptarijiet pubbliċi għadhom f’idejn Steward Healthcare, u kemm dan se jkun qed ifisser finanzjarjament għal pajjiżna.

Barra minhekk, il-fatt li dan il-kuntratt se jibqa’ għaddej ifisser ukoll li matul is-sena d-dieħla se jkollhom jinkrew faċilitajiet addizjonali fl-Isptar Mater Dei minħabba ż-żieda fid-domanda tal-kura akuta.

Min-naħa l-oħra, hu rrepeta għadd ta’ wegħdiet li ilna nisimgħu għall-aħħar snin, fosthom il-bini l-ġdid tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei u l-immodernizzar taċ-Ċentri tas-Saħħa. U għalkemm din mhix l-ewwel darba li qed nisimgħu dwarhom, il-Ministru qal li dawn se jkunu prijorità. B’haddiema fis-settur jistqarru ma’ Net News li anke dan jista’ jitqies bhala kliem mimli bluff u xejn aktar.

Dwar il-pandemija, fil-Budget ingħad li l-Gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu biex tingħata l-booster tal-vaċċin. Min-naħa l-oħra, qed ikun imwiegħed li ssir estensjoni fil-bini tal-Bank tad-Demm, kif ukoll ċentru speċjalizzat għall-kollezzjoni tad-demm, l-ipproċessar u l-ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali.

Ma naqsux ukoll inizjattivi li l-Partit Nazzjonalista diġà ppreżenta u enfasizza dwarhom fix-xhur li għaddew, fosthom dwar l-importanza li għandha tingħata lis-saħħa mentali, partikolarment wara l-effetti li ħalliet il-pandemija.

Pereżempju, fix-xhur li għaddew, il-Partit Nazzjonalista qal li l-kura mentali għandha tingħata fil-komunità biex il-pazjent ikun eqreb lejn daru. Issa, il-Ministru tal-Finanzi qal li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkun impenjat biex jagħmel dan.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista ppropona li tkun offruta l-għajnuna mingħajr ħlas għal mediċini first u second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. Iżda fil-Budget, il-Ministru tal-Finanzi qal biss li se jkun estiż il-Formularju mingħajr ħafna aktar dettalji.

Sadanittant, fil-Budget 2022 tħabbar li l-anzjani li jgħixu fil-komunità se jkomplu jingħataw 300 ewro – inizjattiva li nbdiet fi żmien Gvern Nazzjonalista bħala mezz ta’ għajnuna lil din il-faxxa tas-soċjetà li hi fost l-aktar vulnerabbli.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern qed iwiegħed li matul is-sena d-dieħla se jkunu qed jingħataw mediċini b’xejn lill-anzjani ta’ 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari għax id-dħul tagħhom ikun taħt ċertu ammont – li ma jgħidx x’inhu.

Il-Ministru tal-Finanzi wiegħed diversi affarijiet …li iżda mhux kollha kkwantifika kemm se jiswew għall-Kaxxa ta’ Malta.