Edukazzjoni Lokali

L-Iskola St. Michael twassal xewqat għall-fejqan ta’ malajr lil Jaiten Lamin

L-istudenti tal-Iskola St. Michael, immexxija mis-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., fl-aħħar jiem wasslu żewġ kartolini b’xewqat għall-fejqan ta’ malajr ‘l-isptar għand Jaiteh Lamin, iż-żagħżugħ mill-Gambia li weġġa’ fuq il-lant tax-xogħol u ġie abbandunat fit-triq, bħala turija ta’ solidarjetà miegħu.

Dawn il-kartolini saru bl-idejn mill-għalliema tal-arti u li fuqhom, l-istudenti u l-għalliema lkoll ġew mistiedna jiffirmaw u jiktbu l-messaġġ tagħhom lil Jaiteh għall-fejqan ta’ malajr.

Il-konkorrenza kienet qawwija u kienu bosta dawk l-għalliema u studenti li esprimew l-awgurju tagħhom fuq il-kartolini li mbagħad twasslu personalment lil Jaiteh fl-isptar fejn qiegħed jirkupra mill-ġrieħi li ġarrab.

Jaiteh kien emozzjonat ħafna u esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-Iskola għas-solidarjetà li wriet miegħu f’dan il-mument diffiċli.