Lokali

Robert Abela jgħid li din il-leġislatura “fadlilha xhur”…iżda ma jneħħix l-inċertezza dwar l-elezzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-leġislatura li ninsabu fiha fadlilha numru ta’ xhur. Għalkemm ma eskludiex li tista’ ssir f’Novembru, u li għandu fuqu pressjoni biex issir elezzjoni ġenerali bikrija.

Huwa qal dan il-kliem waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet hekk kif intemm id-diskors tal-Budget… diskors li dam għaddej għal madwar sagħtejn u nofs.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Robert Abela baqa’ ma qalx meta se jħabbar l-elezzjoni ġenerali li jmiss, biex b’hekk qed jibqa’ joħloq inċertezza kbira fost in-negozji. Dan hekk kif qed tikber l-inċertezza…propju minħabba l-fatt li Robert Abela ma jridx jaqta’ darba għal dejjem din il-kwistjoni. Qal biss li din il-lesġislatura fadlilha numru ta’ xhur. Żied jgħid ukoll li l-prijorita tiegħu bħalissa hi li jimplimenta l-miżuri tal-Budget.

Diversi negozji u sidien ta’ ħwienet illi tkellmu ma’ Net News, qalulna li din l-attitudni ta’ Robert Abela qed tkompli iżżid l-inċertezza. F’perjodu meta l-businesses diġà qed isibuh ferm diffiċli biex isibu saqajhom.

Dan kien konfermat ukoll minn stħarrig tal-Kamra tal-Kummerc, illi wera…fost l-oħrajn….li l-piżijiet fuqhom qed ikomplu jiżdiedu, u se jwasslu biex 42 fil-mija tan-negozji jkunu kostretti jżidu l-prezzijiet matul it-12-il xahar li ġejjin.