Lokali

Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi…u l-poplu jħallas – PN

L-unika persuna li għadha tiddefendi l-proġett tal-Electrogas illum huwa l-Prim Ministru Robert Abela u ċ-ċittadin inevitabbilment jistaqsi għalfejn il-Mexxej tal-Labour għadu qed jiddefendi lil min ħadem minn wara dahar il-poplu u jibqa’ jiddefendi l-akbar monument tal-korruzzjoni.

Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mad-Deputati David Thake u Karol Aquilina fejn saħaq li wara li l-eks Ministru tal-Gvern Laburista u star candidate Konrad Mizzi għażel li ma jidhirx quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb għal għemilu huwa ċar li Mizzi lanqas jirrispetta l-votanti Maltin u Għawdxin li eleġġewh fil-Parlament.

Huma insistew li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet tal-inqas tistenna li jkun hemm kundanna ċara minn naħa tal-Gvern ta’ Abela wara l-imġieba ta’ Konrad Mizzi iżda din baqgħet ma waslitx.

Dan fid-dawl ukoll tal-aħħar żviluppi fejn il-ġurnal Times of Malta żvela li meta kien Ministru, Konrad Mizzi għadda informazzjoni sensittiva lin-negozjant Yorgen Fenech fuq pjanijiet tal-Gvern sabiex dan tal-aħħar ikollu vantaġġ kummerċjali – ksur sfaċċat tal-liġi li ankè hawnhekk ma waslet ebda kundanna minn naħa tal-Gvern Laburista. Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista appella lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex jieħu azzjoni immedjata.

Beppe Fenech Adami fakkar li l-korruzzjoni mhux xi ħaġa astratta fi sħab, iżda għal korruzzjoni qed inħallsu għaliha minn butna.

Dan filwaqt li d-Deputat Karol Aquilina saħaq li preżentament il-Partit Laburista jinsab ostaġġ ta’ Konrad Mizzi l-għaliex jekk jirfsulu l-kallijiet jikxfilhom għawwarhom u insista li f’dan il-pajjiż ma tistax tibqa’ tirrenja l-impunità – li l-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan kollu.

Aquilina sostna li l-istituzzjonijiet m’għandhom iħarsu lejn wiċċ ħadd.

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-Partit Laburista jrid jbellagħha lill-poplu li Konrad Mizzi huwa xi ħaġa tal-passat madanakollu l-verità hi li kull wieħed u waħda minnha għadna nħallsu għal korruzzjoni tad-deal tal-Electrogas sal-lum il-ġurnata. Mhux għal din biss iżda ankè għax-xiri tal-irdieden tar-riħ fil-Montenegro – ftehim li sewa lill-Enemalta €7miljun aktar milli kemm kien xtrahom sieħeb Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, ftit tal-jiem qabel.