Edukazzjoni Lokali

Strateġija tax-xogħol mingħajr pjan għall-edukazzjoni ma tiswa xejn – ToM

Il-policy mħabbra mill-Gvern dwar l-impjiegi mhijiex biżżejjed jekk mhux se jsir xi ħaġa biex ikunu indirizzati l-problemi li qed jinbtu mill-qasam tal-edukazzjoni. Dan, fi ftit kliem, kien il-messaġġ tal-editur tat-Times tat-Tnejn, f’reazzjoni għall-istrateġija tal-Gvern dwar l-impjiegi, li kienet preżentat ftit tal-jiem ilu.

L-editur jghid illi huwa inutli li l-Gvern Malti qed jonfoq il-miljuni fl-edukazzjoni, jekk is-sistema edukattiva tagħna għadha qed tfalli, jekk qed niqbgħu l-aktar pajjiż fl-UE bi studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, jekk qed nibqgħu nipproduċu żgħażagħ mingħajr ħiliet.

Governanza politika apparti… l-edukazzjoni hija l-kwistjoni nazzjonali l-oħra li l-aktar li teħtieġ eżerċizzju ta’ ħsieb profond, jgħid l-editorjal, u hemm bżonn li jiġu ndirizzati mistoqsijiet skomdi dwar dan il-qasam. Bħal per eżemplju għalież tfal minn klassijiet soċjali l-aktar batuti qed jibqgħu fost l-aktar li jfallu fl-edukazzjoni tagħhom, u għaliex dan iċ-ċirku vizzjuż ta’ povertà u edukazzjoni baxxa qed jibqa’ ma jitkissirx.

Jistaqsi dwar it-taħriġ li qed jingaħta lill-edukaturi u jekk is-sistema tal-istipendji hix qed taħdem tajjeb biex tidderieġi studenti f’oqsma li jistgħu jgħinuhom isibu xogħolijiet addattati.

Il-futur tax-xogħol f’pajjiżna dejjem se jiddependi fuq it-titjib fil-ħiliet ta’ dawk li joħorġu mis-sistema edukattiva tagħna – jiġifieri li min itemm l-edukazzjoni fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jkollhom ħiliet li huma mitluba mill-qasam tax-xogħol.

L-editur ikompli jgħid li żgħażagħ li bħalissa qed joħorġu mill-iskejjel mingħajr ħiliet qed jispiċċaw vittmi ta’ esplojtazzjoni anke fl-isfond tar-realtà taċ-cheap labour tal-ħaddiema barranin.

Hu għalhekk li s-suq tax-xogħol jeħtieġ tibdil drastiku. Madankollu din mhijiex ħaġa faċli… u l-istrateġija nazzjonali dwar ix-xogħol ma tagħmel l-ebda referenza dar kif il-ħaddiema tagħna se jkunu qed jingħataw ħiliet aħjar li jkunu jistgħu jissarrfu f’xogħolijiet ti ħlas għola.