Lokali Parlament

Appella biex ikun hemm bilanċ bejn id-drittijiet tal-kreditur u dawk tad-debitur

Joe Ellis, PN

Iddeputat Nazzjonalista Joe Elliz qal li rridu nżommu bilanċ bejn id-drittjiet ta’ min għandu jieħu u d-drittijiet ta’ min għandu jagħti. Jiġifieri bilanċ bejn id-debitur u l-kreditur.

Hu qal li tajjeb li wieħed japprezza li mandat kawtelatorju hu mandat li jinħareġ biss fuq ġurament li jieħu l-kreditur mingħand id-debitur.

Min-naħa l-oħra mandat eżekuttiv hu mandat f’dan is-sens joħroġ wara li jkun hemm sentenza tal-Qorti.

Hu qal li bosta drabi jista’ jagħti l-każ li mandati jsiru biex dak li jkun jipproteġi lilu nnifsu anki fir-rigward ta’ xi bini li jkun qed jiġi żviluppat.

Iżda hemm diversi sitwazzjonijiet u kull każ irid jittieħed fuq il-merti tiegħu u tajjeb li llum wieħed jilleġisla biex għalkemm il-mandat ta’ sekwestru jintuża tajjeb ma jkunx abbużat.

Joseph Ellis qal li hu jaqbel li kulħadd għandu jitħalla jgħix fid-dinjità u ħadd m’għandu jiġġudieka lil dak jew lill-ieħor li forsi jispiċċaw b’daharhom mal-ħajt, iżda żied li bħalissa l-Liġi diġà tħares li m’għandux ikun hemm sekwestri jew mandati ta’ benefiċċji soċjali maħruġa mill-Gvern, fosthom pensjonijiet.

Din il-Liġi diġà tħares lejha u tipproteġiha u għalhekk dak li għandu jsir hu li wieħed jindirizza dak li qed jiġri fil-Banek attwalment.

Hu qal li ċerti Banek saru diffiċli ħafna man-nies u dan m’għandux ikun. Ikun hemm hemm min saħansitra jiċċarġja t-tariffa ta’ €5 għal kull ċekk li jsarraf… anki jekk dan ikun maħruġ mill-Bank Ċentrali. Tajjeb li wieħed jiċċara wkoll għaliex xi drabi l-pensjoni tidħol direttament fil-kont ta’ dak li jkun ikollu fil-Bank, iżda jkun hemm okkażjonijiet ukoll meta dak li jkun jirċievi ċekk mingħand il-Bank Ċentrali.

Hu qal li kull pensjoni li persuna tista’ tirċievi għandha tkun protetta, anki jekk din tiġi minn xi gvern barrani.

Il-Banek m’għandhomx jesiġu li jkun hemm xi kont bankarju wieħed biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-mandati li jkunu jridu.

Joseph Ellis insista li kull ċekk ta’ benefiċċju soċjali għandu jissarraf u jitgawda biss mill-benefiċċjarju.