Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius
Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius qal fil-parlament li kulħadd għandu d-dritt li jgħix b’mod uman u deċenti.
Hu qal li kull persuna għandu jkollha l-benefiċċji soċjali dovuta lilha mħarsa u mhux jiġi xi ħadd, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, jiġi u jipprova jagħmel xi sekwestru permezz ta’ xi mandat.
David Agius qal li l-emenda ta’ din il-Liġi tagħti l-opportunità wkoll li wieħed iwessa’ d-diskors u jitkellem ukoll dwar il-mantenimenti dovuti għaliex qed ikun hawn sitwazzjoni komuni fil-pajjiż fejn min ikollu jieħu xi mantenimenti għal xi raġuni jew oħra ma hux jeħodhom.
U hawn min qiegħed ibati tassew għaliex il-manteniment dovut lilu jew lilha jew ma jidħlux jew inkella ma jidħlu qatt u min suppost jaġixxi jibqa’ jkaxkar saqajh. Din hi inġustizzja kbira għaliex ħadd m’għandu jgħix fit-tbatija kapriċċ tan-nuqqas ta’ ħaddieħor.
Hu qal li meta wieħed jitkellem dwar il-pensjonanti tagħna jifhem li ħafna minnhom jibbażaw ħafna fuq il-benefiċċji soċjali li jirċievu. Dawn huma l-anzjani tagħna li huma mgħobbija bil-prezzijiet tal-mediċini, tad-dawl u l-ilma u ta’ ħafna piżijiet oħrajn u għalhekk wieħed irid jagħti kas ta’ dawn in-nies u jassigura li l-anzjani tagħna ma jbatux.
Hawnhekk tkellem dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qal li l-Gvern qed jissokta jaħdem ħażin ħafna dawn il-kontijiet bil-vittmi jkunu n-nies fid-djarhom, fosthom l-anzjani li qed jirċievu kontijiet bil-għoli. Il-Gvern għandu bis-serjetà jindirizza din il-kwistjoni għaliex ma hux sew li għandna għadd kbir ta’ familji Maltin u Għawdxin li qed jispiċċaw iħallsu kontijiet bil-għoli. Tajjeb li l-Gvern japprezza wkoll li dawn il-kontijiet qed iwasslu biex familji sħaħ ibatu u jbatu sejament.
//= $special ?>