Internazzjonali

Covid-19: Rapport jiddettalja ‘il-fallimenti u s-suċċessi’ tal-Ingilterra fil-ġlieda kontra l-virus

Rapport imħejji mid-deputati tal-Parlament Britanniku żvela li l-falliment tal-Ingilterra li tagħmel aktar biex twaqqaf il-firxa rapida tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 fil-bidu tal-pandemija għandu jitqies fost l-akbar fallimenti fl-istorja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Ir-reazzjoni inizjali tal-Gvern – bl-appoġġ tax-xjenzati – kienet biex il-pandemija tkun ikkontrollata f’dik il-fażi partikulari u bil-ħsieb li l-poplu, maż-żmien, jikseb immunità tal-massa fuq kunċett ta’ herd immunity. Madankollu, ir-rapport qal li dan l-atteġġjament ippospona ż-żmien tal-ewwel lockdown għall-Britanniċi, b’dan il-pass jissarraf f’eluf ta’ imwiet dovuti għall-Covid.

Intant, l-istess rapport jagħmilha ċara li kien hemm ukoll ‘is-suċċessi’ fil-programmi tal-Gvern Ingliż għat-trażżin tal-Covid – b’mod partikulari r-rollout tal-vaċċini li kien l-għira ta’ ħafna pajjiżi.

Fil-fatt ir-rapport fisser il-ħidma u l-viżjoni wara l-programm tat-tilqim kontra l-Covid fir-Renju Unit kollu bħala ‘fost l-aktar inizjattivi effettivi fl-istorja tal-pajjiż’. Dan minn aspett ta’ riċerka u żvilupp sal-proċess tad-distribuzzjoni tat-tilqim għall-benefiċċju tal-poplu.

Sadanittant, ir-rapport fil-parti kbira jikkonċentra fuq ir-reazzjoni għall-pandemija fl-Ingilterra – bil-kumitati tad-deputati tal-Parlament ma jevalwawx il-passi li ttieħdu ‘individwalment’ mill-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.

Ir-riżultati tal-istudju huma dettaljati fir-rapport ( ta’ 150 paġna)  bl-isem Coronavirus: Lessons learned to date li tħejja mill-Health and Social Care Committee u s-Science and Technology Committee, magħmulin minn deputati mill-Partiti Britanniċi kollha.

Id-deputati fissru l-pandemija – li swiet il-ħajja ta’ ‘il fuq minn 150,000 fir-Renju Unit u ta’ madwar ħames miljuni madwar ir-Renju Unit —  bħala ‘l-akbar sfida lill-pajjiż għal seklu fi żmenijiet ta’ paċi’

Intant, ir-rapport jissuġġerixxi li wħud mill-‘akbar fallimenti inizjali’ fil-ġlieda kontra l-Covid irriżultaw minn metodu ta’ ‘groupthink’ fost il-Ministri u x-xjenzati. Il-metodu wassal għal sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit ma kienx daqstant dispost li jaddotta ‘politika differenti’ li setgħet tesiġi l-lockdowns aktar qabel, flimkien mal-kontrolli mal-fruntieri u proċessi aktar effettivi għal test and tracing.