Internazzjonali

Franza: Immigranti maqtula minn ferrovija barra Biarritz

Tliet immigranti tilfu ħajjithom, b’immigrant ieħor jindarab serjament, wara li huma ttajjru minn ferrovija li kienet qed tivvjaġġa minn Hendaye  fid-direzzjoni ta’ Bordeaux. Il-pulizija għalissa qed tipprova tidentifika n-nazzjonalità tal-maqtula, b’xi sorsi tal-media jindikaw li l-vittmi kienu kollha Alġerini.

L-awtoritajiet qalu li l-immigranti kienu ‘mimdudin jew reqdin’ fuq il-binarji meta ntlaqtu mill-ferrovija – bl-inċident traġiku jseħħ fil-limiti ta’ Biarritz.

Iz-zona inkwistjoni hi magħrufa bħala rotta li jużaw l-immigranti ‘biex jaslu sal-qalba tal-Ewropa’ u l-pulizija minnufih bdew jinvestigaw iċ-ċirkustanzi tal-inċident li kienu għadhom mhux ċari.

L-immigrant midrub spiċċa b’siequ miksura u twassal l-isptar għall-kura, bis-servizzi tal-ferroviji jkomplu f’dik iz-zona wara waqfien ta’ ftit sigħat.