Ambjent Budget 2022 Għawdex Kummerċ Lokali Transport Turiżmu

“Għawdex jeħtieġ jiddiversifika fl-ekonomija l-ħadra u d-diġitalizzazzjoni” – GTA

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-budget, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu temmen li l-ekonomija Għawdxija teħtieġ tibda tiddiversifika fl-ekonomija l-ħadra u d-diġitalizzazzjoni għaliex preżentament tiddependi wisq fuq is-settur turistiku, hekk kif il-Gvern fil-budget wiegħed li se jibda jesplora dawn iż-2 oqsma.

Il-GTA saħqet li r-riżorsa umana, fosthom it-taħriġ u t-tisħiħ tas-sengħa, hija waħda mill-assi importanti għat-turiżmu, spejċalment fi żminijiet ta’ sfidi fis-settur b’nuqqas kbir ta’ ħaddiema u għalhekk laqgħet il-bosta miżuri mħabbra li mhux biss iżomm lill-istess ħaddiema iżda tħajjar oħrajn li jsibu karriera fil-qasam.

L-Assoċjazzjoni laqgħet ukoll il-mod kif il-baġit se jinvesti fit-tisħiħ u żieda ta’ faċilitajiet tal-Heliport tax-Xewkija, proposta mressqa mill-Partit Nazzjonalista biex tittejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex, għaliex temmen bi sħiħ f’konnettività bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Ġie nnutat ukoll il-mod kif ġew indirizzati bosta aspetti fil-qasam soċjali, dak ambjentali kif ukoll titjib fl-infrastruttura Għawdxija, fosthom it-tlestija tar-Reverse Osmosis u ċ-Ċentru Akwatiku, b’tal-aħħar jiġi mwiegħed għal tant u tant snin.