Lokali Parlament

Ħtieġa li jkunu regolari l-mandati għaliex qed iseħħu abbużi kbar

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Ministru spjega tajjeb din l-emenda u l-Oppożizzjoni taqbel magħha, iżda tajjeb li jkun hemm xi titjib fiha.

Hu qal li din il-Liġi kien hemm bżonnha għaliex fis-sistema legali meta xi ħadd ikollu jieħu xi flus mingħand terza persuna, jispiċċa jagħmillu mandat ta’ sekwestu u l-Qorti tordna li dawk il-flus ikunu depożitati l-Qorti biex jingħataw lil min ikollu jieħu flus, l-aktar il-Banek.

Hawn għandna sitwazzjoni fejn xi ħadd li għandu jagħti l-flus jispiċċa bi flusu fil-bank, meħuda u depożitati l-Qorti. Ħalliha li jista’ jkun li dawk il-flus ikunu ġew minn xi benefiċċju soċjali. Għalhekk hu tajjeb li ssir din l-emenda biex minn dħul f’benefiċċji soċjali, sa massimu ta’ elf ewro fix-xahar, ma jkunux jistgħu jinqabdu fl-ebda mandat.

Ħadd m’għandu jkun żvestit mill-benefiċċji soċjali li jdaħħal kull xahar għaliex kulħadd għandu d-dritt għad-dinjità tiegħu.

Tajjeb iżda li wieħed jagħti kas tal-kont tal-Bank li hu kont privat filwaqt li l-benefiċċju jkun ġew mill-Gvern. Tajjeb li napprezzaw li dak li jkun jista’ jkollu dħul ieħor minn dħul li ma jkunx ġej mingħand il-Gvern. Forsi xi kont minn xi pensjoni privata, forsi minn xi pensjoni minn lil hinn minn xtutna.

Kif inhu dan l-Abbozz, dan it-tip ta’ dħul ma hux protett. Tajjeb li l-Gvern ikun miftuħ li jiddiskuti din il-kwistjoni għaliex ma jagħmilx sens li l-benefiċċju jekk ġej mill-Gvern hu protett, iżda jekk mhux ġej mill-Gvern ma jkunx protett.

Hemm imbagħad problema oħra li hi fis-sens li ħafna nies ikollhom kont wieħed u jpoġġu kollox fih. Hawnhekk se tinħoloq problema u tajjeb li forsi wieħed jissuġġerixxi li kull persuna għandu jkollha kont bankarju li fih jidħlulha l-benefiċċji soċjali biex il-benefiċċji tal-Gvern ma jkunux mittiefsa.

Karol Aquilina staqsa x’se jiġri f’każijiet fejn persuna ġġemma’ u għalhekk x’se jiġri f’każ ta’ mandat?

Hu qal li wasal iż-żmien li anki l-mandati jkunu regolarizzati għaliex fil-pajjjiż qed iseħħu abbużi kbar. Issib lil min ikollu jieħu xi €10,000, iżda mbagħad jispiċċa jagħmel mandat ta’ għexieren ta’ eluf aktar.

Hu qal li tajjeb li wieħed japprezza wkoll li hawn jiġġerrew f’pajjiżna persuni li huma esperti kif jagħmlu d-djun, iżda mbagħad Alla jbierak ma jinqabdu fl-ebda mandat.