Internazzjonali

Kreta: Tikkrolla knisja ċkejkna waqt terremot

Il-gżira ta’ Kreta ntlaqtet mill-ġdid minn terremot qawwi – li rreġistra 6.3 fuq l-Iskala Richter – u bir-riżultat li kkrollat knisja żgħira li ma felħitx għall-impatt.

Il-knisja inkwistjoni kienet ta’ Agios Nikolaos, f’Xirokampos (Sitia), bl-aħħar rapporti jeskludu li seta’ kien hemm il-vittmi.

It-theżżiż inħass bl-aktar mod intensiv fl-inħawi ta’ Heraklion fejn ir-residenti ħarġu jiġru minn djarhom f’paniku u fejn iffullaw il-parks u l-pjazzez, flimkien ma’ zoni oħrajn fil-miftuħ. Fl-istess ħin, il-prinċipali tal-iskejjel ħarġu direttivi lill-istudenti biex joħorġu ‘minnufih’ mill-klassijiet.

Aktar ‘il quddiem fil-jum, il-gżira ta’ Kreta ntlaqtet minn terremot ieħor iżgħar li mmarka 4.1 fuq l-Iskala u li l-epiċentru tiegħu kien lejn ix-xlokk ta’ Zakros.