Ambjent Budget 2022 Ekonomija Lokali

“L-ebda inċentiv fil-Budget għall-bejgħ u x-xiri ta’ propjetajiet bl-ogħla standards ambjentali” – MDA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi b’dispjaċir innnutat kif il-Gvern fil-budget injora għalkollox il-proposti tagħha sabiex jiġu nċentivati l-bejgħ u x-xiri ta’ propjetajiet bl-ogħla standards ambjentali u l-qalba gradwali għall-carbon neutrality

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta filgħodu, l-MDA kienet tal-fehma illi dawn il-proposti kienu se jgħinu sabiex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha fil-ħin u għaldaqstant ħeġġet lill-Gvern sabiex jikkunsidra bis-serjeta’ jekk għandux jaddottahom xorta waħda billi jdaħħal miżuri ġodda dwarhom matul is-sena.

L-MDA fost l-oħrajn ippproponiet sabiex jitnaqqsu t-taxxi għax-xerrejja u mhux għall-iżviluppaturi bl-intenzjoni illi s-suq jibda jiċċaqlaq lejn wieħed fejn l-istandards għoljin fl-ambjent ikunu mitluba mix-xerrej innifsu.

Fir-reazzjoni tagħha, l-MDA qalet li l-budget irrikonoxxa l-importanza tal-industrija tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni billi ġġeddew l-iskemi relatati max-xiri tal-propjeta’, fosthom tal-first u s-second time buyers, skemi li wkoll oriġinarjament kienu proposti tal-MDA f’leġizlatura preċedenti, liema skemi tant aġevolaw nies li xtaqu jsiru sidien ta’ djarhom filwaqt illi ħallew impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija.

Wara li ilha snin tħambaq biex l-investitur jiġi inċentivat iħares lejn propjetajiet eżistenti, mitluqin, abbandunati u jagħtihom ħajja ġdida b’rispett għat-tradizzjoni u l-kultura Maltija, l-MDA laqgħet kif il-Gvern sa fl-aħħar addotta din il-proposta. Dan billi qed jinċentiva il-ħelsien mit-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ propjeta’ vakanti jew UCA jew bi stil tradizzjonali flimkien ma’ grants għal min jagħmel dan meta jixtri l-ewwel dar tiegħu.

L-MDA laqgħet ukoll l-inċentivi fiskali għal min jirrestawra dawn it-tip ta’ binjiet bi b’għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar ta’ dawn il-propjetajiet.

Dawn il-proposti addotati tal-MDA għandhom iwasslu għal tisbieħ tal-lokalitajiet tagħna u jagħti inċentiv lil min ikun irid jinvesti fil-bini nnifsu u mħux biss lil min ikun irid jinvesti fl-art.