Basketball Sport

L-ewwel rebħa ta’ Hibs u Gżira Athleta jibdew bir-rebħ

Colin Schembri

Bupa Luxol 89

Hibernians 119

(20-31)(13-25)(27-38)(29-25)

Hibernians pattew għat-telfa fl-ewwel ħarġa taghħhom meta għelbu lil Bupa Luxol 119-89. Luxol kienu qiegħdin jagħmlu d-debutt tagħhom għal dan l-istaġun mill-ġdid taħt it-tmexxija tal-coach Duncan Fenech. Huma ntroduċew lil Paul Attard u lil Marco Matijevic mis-suq lokali u lill-Amerikan Canaan Coffey lu kellhu bidu kwiet però spiċċa l-aħjar skorer tal-partita b’41 punt. Hibs kellhom l-istess formazzjoni tal-ġimgħa l-oħra. Il-partita fetħet bl-ewwel punti ta’ Matijevic fir-ritorn tiegħhu bil-flokk vjola fil-waqt li Hibs wieġbu permezz ta’ David Bugeja u Mason Vires. Iż-żewġ timijiet kellhom trippla kull wieħed però kienu Hibs li kienu aktar attivi fl-attakk tant li fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 20-9. Id-dħul ta’ Ivan Demcesen saħħaħ is-saħħa ta’ Hibs taħt il-boards u Luxol irrikorrew għat-trippli u kisbu tnejn mill-Amerikan Coffey għal skor ta’ 31-20 favur Hibernians fit-tmiem l-ewwel sessjoni. It-tieni sessjoni rat lill-Pawlisti jibdew bi break ieħor ta’ 11-2 maqsum bejn l-Amerikani Vires u Christian Soderholm b’Luke Farrugia jkompli bi three pointer għal skor ta’ 45-23. Luxol irkupraw bil-punti ta’ Stefan Cappello u Jean Paul Schembri però Hibs għalqu t-taqsima bit-trippla oħra ta’ Vires għal skor ta’ 56-33.

It-tielet taqsima kienet l-aktar waħda b’punteġġ għoli hekk kif iż-żewġ timijiet qasmu bejniethom 65 punt. Wara basket ta’ Matijevic għal Luxol, Hibs għamlu run ta’ 13-0 li għalquha b’żewġ trippli minn Vires u Keith Dimech. Luxol waqqfuhom bil-punti ta’ Coffey u Matijevic iżda Hibs komplew bi break ieħor ta’ 13-2 minn David Bugeja u Vires. Wara trippla fuq kull naħa, il-punti komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat biex Hibs għalqu l-perjodu 94-60 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Luxol bdew bi break ta’12-2 b’żewġ trippli ta’ Coffey bil-Hibs jagħqqdu l-mitt punt b’baskets minn Soderholm u Vires f’run ta’ 13-4. Wara li Cappello kiseb trippla għal Luxol, kien hemm baskets fuq kull naħa u l-parita marret favur Hibernians fuq skor finali ta’ 119-89.

Luxol: J. Cefai, K. Gauchi, N. Buhagiar 3, P. Attard 2, JP Schembri 14, A. Trapani 3, L. Trapani, C. Coffey 41, S. Opojevlic 3, M. Matijevic 10, S. Cappello 13.

Hibs: M. Vires 30, N. Cassar, D. Bugeja 19, L. Farrugia 6, K. Dimech 9, A. Axiaq 5, R. Aquilina, M. Attard 2, C. Soderholm 29, I. Demcesen 15, P. Shoults 4.

Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Ionut Ciurariu.

Gżira Athleta 104

Mellieħa Libertas 97

(22-18)(31-23)(28-22)(23-34)

L-aħħar team li għamel id-debutt staġjonali kienu Gżira Athleta li bdew l-impenji tagħhom fis-shield b’rebħa fuq Mellieħa 104-97. Kif jindika l-iskor il-partita kienet waħda spettakolari fosthom b’dunks stupendi mill-players Amerikani fuq iż-żewġ naħat. Athleta kellhom lil Zachery Hudson u Shawn Montague jagħmlu d-debutt tagħhom fil-waqt li żammew il-bażi lokali tal-istaġun li għadda. Magħhom żiedu lil Billy Zammit u ż-żgħażagħ Jordan Ellul Dowling u Isaac Xuereb taħt it-tmexxija tal-coach Peter Farrugia. Mellieħa kienu bl-istess formazzjoni tal-aħħar partita. Mellieħa għamlu l-ewwel ħames punti tal-partita mill-Amerikan Jeremy Joyner u Vukassin Jandric. Il-punti tal-Athleta bdew ġejjin minn Hudson u trippla ta’ Nathan Xuereb biex marru 11-5 minn fuq. Wara baskets ta’ Isaac Bonett għal Mellieħa, Athleta wieġbu permezz ta’ Hudson u Montague biex fetħu vantaġġ doppju 20-10. Mellieħa naqqsu d-distakk permezz ta’ trippla ta’ Nik Vasovic u baskets ta’ Nenad Bukva però kienu Athleta li għamlu l-aħħar punti minn Hudson għal skor ta’ 22-18. Mellieħa fetħu t-tieni sessjoni bi trippla ta’ Jandric però Athleta wkoll kellhom żewġ trippli minn Zammit u Hudson. Wara baskets fuq kull naħa u xi shooting żbaljat, Athleta rnexxielhom jagħmlu sitt punti mingħajr risposta però kull darba bdew isofru r-rimonta ta’ Mellieħa speċjalment minn Jandric però punti tal-Amerikani tal-Athleta rawhom jidħlu jistrieħu 53-41 minn fuq.

Wara l-intervall Athleta reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Xuereb. Hawn Joyner beda dieħel aktar fil-partita għal Mellieħa u żammhom viċin pero Athleta taw daqs kemm qalaw fejn kellhom trippla oħra ta’ Zammit u l-punti ta’ Hudson u Montague uħud minnhom b’dunks u offensive rebounds. Is-sessjoni ntemmet bl-Athleta fuq quddiem 81-63. Mellieħa bdew l-aħħar taqsima bi break ta’ 10-0 bil-coach Farrugia kostrett jaghjjat time-out għall-Athleta. Wara 5 punti ta’ Montague bi trippla, Mellieħa kellhom disa’ punti oħra u rnexxielhom jaslu sa’ 3 punti ‘l bogħod 82-85. Athleta rnexxielhom jirkupraw u reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 10 punti wara trippla oħra ta’ Montague. Mellieħa ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Athleta ma żbaljawx mill-free-throw line biex ħarġu rebbieħa 102-94.

Gżira Athleta: Z. Hudson 27, S. Montague 38, F. Mifsud Bonnici 2, L. Stefanovic 9, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 20, I. Xuereb, S. Vincic 2, R. Abela, B. Zammit 6.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 7, V. Jandric 21, N. Vasovic 17, I. Bonett 13, C. Briffa, N. Bukva 10, J. Joyner 29, M. Azzopardi, M. Formosa.

Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Ivica Simic.

It-tieni rebħa għal Hibernians l-ewwel waħda ta’ Luxol

Starlites 49

Hibernians 71

(11-18)(9-10)(15-20)(14-23)

Hibs kisbu t-tieni rebħa fl-MBA shield biex telgħu fl-ewwel post tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni għas-semi-finali hekk kif għelbu lil Starlites 71-49. Starlites li fl-istaġun li għadda li waqaf ħesrem ma kienux tilfu partita sabu ruħhom f’diffikulta biex jagħmlu l-punti u kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Steffi De Martino b’injury ftit qabel intemmet it-tieni sessjoni. Hibs iddefendew tajjeb u kellhom lil Ylenia Bonett f’ġurnata posittiva fejn minbarra li spiċċat bħala l-aħjar skorer tal-partita, kellha wkoll diversi steals u assists. L-Amerikana Kenyotta Jenkins ukoll kellha kontribut siewi speċjalment taħt il-boards flimkien ma’ Asheigh Van Vliet però kellhom ħafna ħin fuq il-bank minħabba l-fouls. Sam Brincat fetħet il-partita bi three pointer għal Hibs flimkien mal-punti ta’ Jenkins u Bonett. Maria Bonett għamlet l-ewwel punti għal Starlites però Hibs komplew jirrispondu biex żammew vantaġġ ta’ disa’ punti. De Martino kellha trippla għal Starlites qabel ma Y. Bonett għamlet l-aħħar basket ta’ Hibs għal skor ta’ 18-11. It-tieni taqsima rat lil Starlites inaqqsu d-distakk għal 3 punti wara baskets ta’ De Martino, Samantha Tabone u Christina Curmi. Hibs reġgħu irkupraw permezz ta’ Bonett u Marie Buhagiar biex daħlu jistrieħu 28-20 minn fuq.

Wara l-intervall kienu Hibs li bdew l-aħjar b’żewġ trippli ta’ Brincat u kabbru l-vantaġġ għal 12 -il punt. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet minn Bonett u Curmi però Hibs reġgħu għamlu run ta’ 10-4 u żiedu l-vantaġġ għal 16 -il punt. Qabel intemmet is-sessjoni, Starlites għamlu 4 punti minn Bonett u Mikela Riolo għal skor ta’ 35-48. Fl-aħħar taqsima Riolo u Jenkins kienu l-aktar attivi għaż-żewġ timijiet però Hibs kienu għadhom 15 minn fuq 56-41. Hibs għamlu run definittiva ta’ 12-0 b’diversi baskets ta’ Bonett flimkien ma’ Jenkins u Buhagiar u Iona Agius biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 27 punt u temmew kull tama ta’ Starlites li jieħdu xi ħaġa mill-partita hekk kif huma ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 71-49.

Starlites: A. Saliba 6, M. Riolo 12, J. Micallef 2, S. Farrugia 2, M. Bonett 9, S. De Martino 9, K. Portelli 1, M. Fenech 7, C. Vella, D. Camilleri 2, S. Davies 1, C. Curmi 5.

Hibernians: M. Buhagiar 6, E. Farrugia, I. Agius 4, Y. Bonett 21, A. Van Vliet 8, S. Brincat 11, J. Abela, C. Camilleri 2, K. Caruana 3, K. Jenkins 16.

Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Fanni Fabok.

ARMS Depiro 49

Caffè Moak Luxol 61

(12-18)(14-10)(6-9)(17-24)

Dawn iż-żewġ timijiet kienu tilfu fl-ewwel ħarġa tagħhom u din id-darba kienu Luxol li ħarġu rebbieħa biex laħqu lil Starlites u ħallew lil Depiro mingħajr rebħa. Depiro għadhom mingħajr l-Amerikana Hannah Johnson però ġiet lura Leanne Duncan. Luxol ukoll kellhom tibdila waħda fejn introduċew lill-veterana Susanna Bonfiglio li fost l-oħrajn lagħbet ma’ Phoenix Mercury fil-WNBA u kienet parti mit-team nazzjonali Taljan fl-Olimpjadi tal-1996 u rebbieħa ta’ midalja tal-Bronż fil-Kampjonat Ewropew tal-1995. L-id ta’ Santino Coppa bdiet tidher fit-team ta’ Luxol speċjalment fid-difiża. Luxol bdew tajjeb u għamlu run ta’ 10-2 fl-ewwel minuti fosthom trippla tal-Amerikana Jennifer Oramas. Depiro rkupraw bit-three pointers minn Monique Caruana u l-punti ta’ Danika Galea u Nicole Agius għal skor ta’ 18-12 favur Luxol. It-tieni taqsima rat lil Depiro jieħdu l-vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita grazzi għat-trippli minn Caruana u Duncan flimkien mal-punti ta’ Claire Ciantar u Galea 24-22. Luxol irkupraw b’żewġ baskets ta’ Josephine Diaby u ieħor ta’ Sharon Vella biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 28-26.

Fit-tielet sessjoni l-punti damu ma waslu u saru biss żewġ free-throws minn Agius fl-ewwel minuti. Luxol irnexxielhom jagħmlu disa’ punti mingħajr risposta minn Mandi Mercieca, Oramas u Diaby bid-Depiro jagħmlu l-aħħar żewġ baskets għal skor baxx ta’ 32-37 fi tmiem it-taqsima. Fl-aħħar sessjoni Caruana u Ciantar ressqu lil Depiro sa’ basket taħt l-avversarji qabel mal-players ta’ Coppa għamlu run oħra ta’ 10-3 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 51-40. Depiro ma rnexxielhomx jirkupraw anzi kienu Luxol li għamlu break ieħor ta’ 10-2 lejn tmiem il-partita biex ħarġu rebbieħa 61-49.

ARMS Depiro: M. Caruana 9, Ni. Agius 12, J. Xerri 2, J. Mallia, L. Duncan 5, No. Agius, C. Ciantar 8, N. Hili, N. Ebejer, N. Borg 5, D. Galea 8, E. Cassar

Caffè Moak Luxol: S. Pace 8, M. Mercieca 2, N. Vella 2, F. Camilleri, S. Vella 10, J. Schembri, A. Borg, P. Ellul, J. Diaby 21,S. Bonfiglio,  A. Fenech Pace, J. Oramas 18.

Referees: Daniella Torok, Ionut Ciurariu, Nicky Azzopardi.