Budget 2022 Lokali Saħħa

L-Għaqda Maltija kontra d-Dijebete ddiżappuntata li t-talbiet tagħha ġew injorati f’dan il-Budget

L-Għaqda Maltija kontra d-Dijebete esprimiet id-diżappunt kbir tagħha li l-Gvern fil-Budget 2022 injora għalkollox it-talbiet numerużi tagħha għall-introduzzjoni tal-Continuous Glucose Monitoring devices għal persuni b’dijabete tat-tip wieħed, irrispettivament mill-età tal-persuna.

Fost ir-raġunijiet imsemmija għalfejn għandha tiddaħħal dina l-miżura hija meta jikbru dawn il-persuni, dawn jesperjenzaw problemi akbar ta’ saħħa fit-tul relatati mad-dijabete, bħal vini usa tal-qalb, tal-moħħ u s-saqajn li jikkawżaw ħsara lil vini tad-demm iżgħar għall-għajnejn, il-fwied u s-saqajn. Kawża ta’ dan jiżdied l-istress fost dawn in-nies bħalma jiżdiedu l-isfidi finanzjarji li jkollhom jaffaċċjaw fil-karriera u l-ħajja adulta.

Continuous Glucose Monitoring device żgur mhuwiex xi lussu għal dawn il-persuni iżda neċessità hekk kif dawn in-nies jesperjenzaw problemi finanzjarji biex ikopru l-ispiża medja fuq dan it-tagħmir ta’ €150 minn buthom.

Hija frustranti li dawn il-persuni li jgħixu b’dijabete tat-tip wieħed, li mhumiex eleġibbli għal dan it-tagħmir, tħallew fil-għama jistennew biex xi darba jsiru eleġibbli għalih.

L-Għaqda qalet li dawn in-nies jixirqilhom ferm aħjar u għandu jkollhom l-aqwa tagħmir biex jikkontrollaw dina l-kundizzjoni li jridu jgħixu biha għal ħajjithom ħalli saħħithom tkun salvagwardjata f’kull ħin.

Il-Gvern tilef l-opportunità li jinvesti fit-tul f’dawn in-nies għaliex fl-aħħar mill-aħħar, dan kien iwassal f’anqas kumplikazzjonijiet ta’ saħħa u spejjeż f’kura medika.