Analiżi u ħsibijet ta’ wara l-partita kontra Ċipru, mill-pinna ta’ Christian Micallef, miktuba fi triqtu minn Larnaca għal Malta
Ir-referee Olandiż, Dennis Higler kien lest biex isaffar tmiem il-partita f’Larnaca. Is-seba’ minuti żejda li kien ta mad-90 minuta kienu se jiskadu, iżda b’Malta fuq l-attakk, Kurt Shaw, rebaħ fawl f’tarf il-kaxxa, wara fawl ta’ Nicholas Ioannou, wieħed mill-aħjar plejer Ċiprijotti. L-aħħar azzjoni tal-partita kellha tkun free-kick għall-Maltin. Bl-iskor 2-1 favur Ċipru, Teddy Teuma mar biex jgħati dan is-set-piece minn fuq ix-xellug tal-gowlkiper Neophytos Michael.
Dan kien l-aħħar ċans tal-Maltin li nsalvaw xi ħaġa minn din il-logħba. Nistqar magħkom li kont diġa’ qomt minn posti, u imxejt lejn it-taraġ tal-istadium, biex ninżel isfel, għall-kamra fejn kienet se ssir il-konferenza stampa miż-żewġ kowċis rispettivi, wara l-partita. Iżda le, waqaft. Ma nafx għalfejn, qalbi ħebritni li konna se niskorjaw il-gowl tad-dro, u hekk ġara.
Punt salvat, b’gowl fl-aħħar azzjoni tal-partita
Teuma indirizza l-free-kick lejn il-lasta, ballun lejn in-nofs tal-kaxxa ż-żgħira, fid-direzzjoni ta’ Jurgen Degabriele, li anke jekk bi ftit, għamel kuntatt mal-ballun qabel ma baqa’ dieħel fix-xibka għall-gowl tad-dro in extremis, għal skor finali ta’ 2-2. Malta tiskorja fit-98 minuta, lilhinn minn xtutna, u ssalva punt mill-konfront ta’ kontra Ċipru. Gowl tad-dro li fisser il-ħames punt mirbuħ f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022, iżda fuq kollox dro li jerġa’ jara lil Malta tirbaħ il-punti mill-ġdid, wara li konna tlifna dejjem fit-tliet partiti ta’ qabel.
Dak il-ħin kien hemm il-crew ta’ Replay u ġurnalist u cameraman ta’ TVM, qalb ċorma membri tal-media Ċiprijotta. Ma niftakrx eżatt x’għedt mal-gowl, iżda kont qisni tifel żgħir nifraħ għall-gowl tat-tim favorit tiegħi. Għall-mument insejt li jien ġurnalist, u ħallejt il-passjoni lejn it-tim nazzjonali Malti tiġri biha. Għajjatna gowl daqs li kieku konna għadna kemm skorjajna l-gowl li biħ Malta kienet qed tirbaħ it-Tazza tad-Dinja. Għajjatna gowl b’tant ferħ u sodisfazzjon, għaliex konna konxji mill-fatt li dan ir-riżultat ta’ dro, kien mixtieq u bżonjuż fiċ-ċirkostanzi.
Kontra Ċipru kellna azzjoni oħra ta’ set-piece, li ħabtet mal-lasta
F’din il-lejla f’Larnaca, Malta skorjat darbtejn. Fiż-żewġ okkażżjonijiet, il-gowls tal-Maltin waslu minn set-pieces, u dan żgur li ma kienx b’kumbinazzjoni, iżda għaliex fit-tfassil ta’ dawn is-sitazzjonijiet ta’ deadball situations, l-istaff tekniku ta’ Devis Mangia bħala kowċ, qed jippjana u jipprepara l-iskwadra sew u sal-inqas dettall.
Il-gowl tad-dro li skorjajna fit-53 minuta, b’daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat, wasal minn corner dirett, mogħti minn Steve Pisani. Ftit wara, bl-iskor 1-1, il-Maltin konna viċin li nerġgħu niskorjaw, u għal darb’oħra minn corner ta’ Pisani. Kienet azzjoni fejn il-gowlkiper Ċiprijott ħareġ biex itajjar, iżda għal ftit ma xeħitx il-ballun fix-xibka tiegħu stess, bil-ballun ħabat mal-wieqfa, qabel ma baqa’ sejjer barra. Iżda għal dan iċ-ċans mitluf, pattejna tajjeb fl-aħħar azzjoni tal-logħba, meta Teuma xeħet konklużżjoni lejn in-nofs minn free-kick, u b’xi mod, il-ballun spiċċa fix-xibka, wara li Degabriele għamel kuntatt mal-ballun.
Memorji simili ta’ sena llu, f’Riga, meta Steve Borg skorja l-gowl tar-rebħa minn free-kick
Dan il-gowl tad-dro fakkarni f’azzjoni oħra simili, li ukoll kienet ta’ free-kick, meta sena llu, kważi bl-eżatt, fit-13 t’Ottubru 2020, bl-iskor 0-0 fil-partita ta’ kontra l-Latvja, f’Riga, fis-96 minuta, Malta skorjajna l-gowl tar-rebħa grazzi għal konklużżjoni finali ta’ Steve Borg. Dak in-nhar, Steve Pisani ta l-free-kick minn fuq il-lemin tal-lasta avversarja, u Borg kien fil-mument u l-post it-tajjeb biex xeħet fix-xibka avversarja għall-gowl tar-rebħa, bl-aktar mod drammatiku. Din id-darba kontra Ċipru ġara l-istess, bid-differenza li skorjajna l-gowl tad-dro u rajna l-istess xeni ta’ ċelebrazzjonijiet mill-plejers u l-istaff tekniku ta’ Malta, hekk kif kulħadd spiċċa joħroġ fil-pitch bl-eżultanza tal-gowl.
Tassew dawn huma emozzjonijiet sbieħ. Wara l-partita, fl-ewwel mistoqsija li kelli ċ-ċans li nagħmel lil kowċ Mangia, tlabtu biex jikkumenta dwar il-fatt li dawn il-gowls minn set-pieces, żgur li mhux qed jaslu b’kumbinazzjoni iżda għaliex ikun hemm ħsieb u pjan warajhom. Fil-fatt, fit-tweġiba tiegħu, hu kien pront li jagħti l-mertu lill-bqija tal-membri tal-istaff tekniku li jmexxi hu. Primarjament hawnhekk wieħed irid isemmi liż-żewġ assistant kowċis ta’ Mangia ma’ Malta, Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi, il-match analyst Facundo Styk u l-kordinatur tekniku f’dan it-tim tekniku, Alessandro Zinnari. Żgur u mhux forsi, dawn kollha huma l-moħħ ta’ dak li ġara u li wassal għal dro drammatiku ta’ Malta kontra Ċipru, f’din il-lejla f’Larnaca.
18-il partita għal Malta taħt kowċ Mangia. Skorjajna 22 gowl, u sitta minnhom kienu minn corners jew free-kicks
Iżda ta’ min wieħed jirrimarka li dik tal-bieraħ kontra Ċipru, kienet it-18-il logħba ta’ Malta taħt t-tmexxija ta’ Mangia. F’dawn il-partiti kollha, Malta skorjajna total ta’ 22 gowl. Sitta minn dawn il-gowls, li m’humiex ftit, waslu minn azzjoni ta’ corner jew free-kick. Dawn kienu:
3 ta’ Settembru 2020 | Gżejjer Faroe kontra Malta 3-2 (free-kick ta’ Luke Gambin, jiskorja Andrei Agius)
13 t’Ottubru 2020 | Latvja kontra Malta 0-1 (free-kick ta’ Steve Pisani, jiskorja Steve Borg)
11 ta’ Novembru 2020 | Malta kontra Liechtenstein 3-0 (free-kick ta’ Jake Grech, jiskorja Steve Borg)
14 ta’ Novembru 2020 | Malta kontra Andorra 3-1 (corner ta’ Teddy Teuma, auto-gowl ta’ Emili Garcia)
11 t’Ottubru 2021 | Ċipru kontra Malta 2-2 (corner ta’ Steve Pisani, jiskorja Zach Muscat)
11 t’Ottubru 2021 | Ċipru kontra Malta 2-2 (free-kick ta’ Teddy Teuma, jiskorja Jurgen Degabriele)
//= $special ?>