Lokali Qorti

Probation ta’ tliet snin wara li ammetta serq ta’ armi sportivi

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħal Tarxien ingħata probation għal tliet snin wara li ammetta li bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda seraq diversi armi u munizzjon li huma relatati ma’ dixxiplini sportivi minn maħżen ta’ ħanut fil-Fgura. Brandon Savona ammetta li seraq diversi oġġetti li jiswew eluf ta’ ewro u li dawn jinkludu pistoli u snieter tal-arja, magazines u oġġetti oħra. Huwa ġie arrestat wara li sid il-ħanut tahom informazzjoni dwar min seta’ kien dak li wettaq is-serqa.

L-Ispettur Christina Delia li flimkien ma’ l-Ispettur Sarah K. Zerafa mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet li waslu għall-akkużat ukoll permezz ta’ filmati tas-CCTV.  Is-serqa saret f’maħżen fi Triq il-Merħba. Meta l-Pulizija marru fuq il-post skoprew li xi ħadd kien sgassa l-bieb tal-maħżen u minn ġo fih insterqu l-oġġetti. Dawn instabu fid-dar ta’ Savona. L-Avukat tiegħu Lennox Vella qal li din kienet ‘bravata’ li wettaq il-klijent tiegħu f’għeluq sninu.

Tenna li Savona m’għandux problema ta’ droga u li għandu kondotta netta. Tenna wkoll li l-problema tiegħu hija relatata max-xogħol. Saħaq ukoll li l-ġenituri tiegħu, preżenti fl-awla jinsabu nkwetati dwar dak li għamel binhom. Huwa talab biex jiġi nominat uffiċjal tal-probation biex isegwih, fejn miegħu qablet il-Prosekuzzjoni, sakemm din tkun fil-massimnu tagħha. Il-Maġistrat Charmain Galea avżat liż-żagħżugħ li probation xorta se tidher fuq il-kondotta tiegħu, madankollu mhux se jħammiġha bħal li kieku jingħata sentenza ta’ ħabs.

Qaltlu wkoll li l-uffiċjal tal-probation se tmexxih u jrid joqgħod għal dak li tgħidlu, għax jekk isir rapport bil-kontra. Wissietu wkoll li każ bħal dan għandu piena massima ta’ seba’ snin ħabs.  Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset l-ammissjoni bikrija ra’ Savona u l-fatt li rritorna l-oġġett kollha misruqa.