Lokali

Raġel arrestat f’inqas minn 24 siegħa wara serqa

F’inqas minn 24 siegħa ġie arrestat raġel ta’ 21 sena residenti Ħal Tarxien, b’rabta ma’ serqa li saret f’maħżen fi Triq il-Merħba, il-Fgura.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijet irriżulta li bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, xi ħadd mhux magħruf sgassa l-bieb tal-maħżen u minn ġo fih insterqu ammont ta’ armi tal-airsoft, munizzjoni tal-istess armi u affarijiet oħra relatati, li jiswew eluf ta’ ewro.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u r-raġel ġie arrestat it-Tnejn filgħodu mir-residenza tiegħu, fejn fid-dar instabu wkoll l-oġġetti misruqa.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qiegħed imexxi inkjesta.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum, f’xi l-ħdax u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea.