Settembru ġab miegħu bidla fl-istaġun kif ukoll tliet maltempati bir-ragħad fl-ewwel għaxart ijiem tax-xahar u anki l-ewwel ħalbiet tax-xita tal-ħarifa meteoroloġika. Madankollu, ix-xita li tkejlet tul Settembru ammontat għal biss 18.4mm u għalhekk ma laħqitx in-norma klimatika għax-xahar ta’ 58.1mm.
Il-bidla fl-istaġun ġabet ukoll sema aktar imsaħħab, bl-aktar sħab dominanti matul ix-xahar ta’ Settembru jkun is-sħab baxx tat-tip Cumulus u Stratocumulus. Matul ix-xahar il-kopertura tas-sħab medja kienet ta’ 2.4 oktas, jiġifieri kemxejn eħfef min-norma klimatika ta’ 2.6 oktas.
Minkejja kopertura tas-sħab eħfef, Settembru ma kienx xemxi daqskemm mistenni. Is-sigħat xemxin li tkejlu matul ix-xahar ammontaw għal 245.4, jiġifieri 8.7 sigħat taħt in-norma klimatika. Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Settembru tkejlu ftit aktar minn 11-il siegħa xemxin, fl-aktar jum mudlam, ix-xemx xirfet biss għal 30 minuta.
It-temperatura medja tal-arja għal Settembru kienet ta’ 26.3°C, u għaldaqstant sebqet in-norma klimatika b’1.6°C. L-aktar temperatura baxxa tax-xahar ta’ 20°C ġiet irreġistrata fid-disa’ jum, meta ġiet esperjenzata waħda mit-tliet maltempati bir-ragħad għal Settembru. L-ogħla temperatura ta’ 34.0°C imbagħad intlaħqet 10 ijiem wara. Tul Settembru l-baħar baqa’ sħun, bit-temperatura medja tal-wiċċ titlef grad Ċelsius meta mqabbla ma’ Awwissu u tilħaq 28.0°C. Din it-temperatura medja wkoll kienet ogħla min-norma ta’ 25.5°C
Settembru kien xi ftit aktar mirjieħ milli mistenni, bil-veloċità medja tar-riħ tkun ta’ 7.7 knots minflok in-norma ta’ 7.1 knots. Fis-seba’ u l-ħdax-il jum ta’ Settembru tkejlu buffuri massimi ta’ 26 knots li kienu ġejjin mill-Grigal u l-Majjistral rispettivament.
//= $special ?>