Komdi ħafna jaqraw minn fuq l-iscripts li kitbulhom, iżda skomdi ħafna quddiem il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Komdi jgħajtu u jsabbtu meta jkunu fil-Parlament iżda skomdi għall-aħħar quddiem id-domandi ta’ Net News. Konferenza tal-aħbarijiet li suppost saret biex ikunu mwieġba domandi dwar il-Budget, iżda għad-domandi ta’ dan l-istazzjon, ir-risposti inbidlu f’attakki partiġġjani.
Evidenti li l-Ministru tas-Saħħa, li taħtu jaqa’ id-deal tal-Isptarijiet, se jibqa’ ma jweġibx dwar il-miljuni li qed jingħataw lil Steward Healthcare. Mhux talli hekk, talli fil-Budget tat-Tnejn filgħaxija, tħabbar li Steward Healthcare se jingħataw aktar miljuni mill-flus tagħna.
Ir-reazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa uriet biċ-ċar li huwa skomdu jwieġeb għalfejn se nħallsu lil Steward €23,000,000 iktar fis-sena – għal total li issa jammonta €69,000,000 fis-sena. Dan kollu juri li l-Ministru tas-Saħħa mhux jifhem għalfejn il-ħlas ta’ aktar minn €5 miljun fix-xahar, ekwivalenti għal €190,000 kuljum lil Steward, huma flus fil-ħela meta wieħed jara x’tawna minn mindu xtraw l-isptarijiet.
Intant, waqt il-preżentazzjoni tiegħu tal-lum, Chris Fearne reġa’ semma l-miżuri tal-Budget li diġa’ konna smajna ftit sigħat qabel, iżda din id-darba b’laqta differenti. Fejn fost l-oħrajn qalilna li l-miżura li tal-linja se tkun b’xejn mis-sena d-dieħla se tnaqqas, skont hu, il-karozzi mit-toroq. Iżda meta staqsejna dwar dan, il-Ministru, għal xi raġuni reġa’ għażel li jattakka b’mod partiġġjan.
Minn naħa l-oħra, Clyde Caruana, l-ewwel tana ftit li xejn dettalji dwar il-greylisting tal-FATF, imbagħd ħarab milli jwieġeb dwar il-pjan tal-Gvern u meta nistennew milli noħorġu minn din il-lista li qed taffetwa r-reputazzjoni u l-ekonomija ta’ pajjiżna.
//= $special ?>