L-Unjoni tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) fi stqarrija qalet li qed tinnota li għal darb’oħra l-budget qed jinjora l-partijiet ewlenin fis-settur tal-edukazzjoni – l-edukaturi. Il-UPE qalet li “lil hinn mir-retorika politika vojta tas-soltu, l-edukaturi ma jesperjenzaw l-ebda titjib reali fis-salarji jew fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom bħala riżultat ta ‘dan il-baġit.
B’mod ċar, il-baġit jonqos milli jindirizza n-nuqqas kbir ta’ edukaturi li pajjiżna qed jesperjenza bħalissa. F’termini prattiċi, dan ifisser li l-edukaturi se jkomplu jiġu mġebbda sal-limitu biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ riżorsi umani fis-settur waqt li jirċievu l-istess salarju miżeru.”
Il-UPE stenniet li dan il-baġit jagħti inċentivi tanġibbli u materjali lill-ħaddiema, speċjalment il-frontliners u ħaddiema oħra, bħal edukaturi li komplew jipprovdu s-servizzi tagħhom matul l-eqqel tal-pandemija.
Il-UPE ttenni li l-Budget huwa sintomatiku ta’ “politiċi li jivvalutaw iżżejjed l-intrapriża privata għad-detriment tal-ħaddiema.” Il-UPE ma toġġezzjonax għal għajnuna mill-istat lil intrapriża privata sakemm din tkun marbuta direttament ma’ miżuri soċjoekonomiċi stabbiliti biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tinkludi l-ġid komuni.”
L-istqarrija temmet tgħid li l-UPE ma tistax taċċetta li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi – u l-ħaddiema l-oħra kollha – għandhom jibqgħu jiġu injorati. “Hekk kif is-settur edukattiv qed jesperjenza run-down, setturi oħra jsegwu l-istess. Jekk iċ-cheap labour ikompli jikber, l-istandard edukattiv tal-popolazzjoni tagħna se jmur lura. Aħna lkoll nafu l-konsegwenzi. Wasal iż-żmien li l-Gvern iqum mir-raqda u jinvesti b’mod dirett u għaqli f’edukaturi u ħaddiema oħra b’modi simili u bl-istess kobor li investa f’intrapriża privata.”
//= $special ?>