Lokali

Id-Deputati tal-Gvern ikomplu jservu ta’ tarka għal Konrad Mizzi

Id-Deputati tal-Gvern li keċċewh mill-Partit Laburista jibqgħu, għal raġuni li ma tinftehimx, joħorġu għonqhom u jservu ta’ difiża għal Konrad Mizzi.

Dan komplew jagħmluh l-Erbgħa waranofsinhar meta l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi ltaqa’ biex ikompli jiskrutinja l-proġett skandaluż tal-Electrogas.

Wara li l-Erbgħa li għadda, id-Deputat u eks Ministru Laburista Konrad Mizzi rriffjuta li jattendi biex jagħti x-xhieda tiegħu quddiem dan il-Kumitat, il-membri tal-istess Kumitat kienu qablu li Mizzi kellu jerġa’ jiġi imsejjaħ. Madankollu, ġimgħa wara, Konrad Mizzi reġa’ għaldarboħra ma tfaċċax.

F’risposta li bgħat dwar dan, ftit tal-ħin qabel iltaqa’ l-Kumitat, Mizzi qal li hu qed jagħżel li ma jixhidx għax hija prattika komuni li min jiġi mħarrek ma jidhirx quddiem il-PAC. Stqarrija li ma qabilx magħha ċ-Chairperson tal-Kumitat Beppe Fenech Adami li elenka lista sħiħa ta’ eks Membri Parlamentari li xehdu quddiem il-Kumitat, fosthom l-eks PM Lawrence Gonzi.

Kien hawn li d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ressaq mozzjoni biex id-Deputati tal-Kamra tar-Rappreżentanti jordnaw lil Konrad Mizzi jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-PAC, anke kif stabbilit skont l-Erskine May.

Iżda għal xi raġuni, il-membri tal-Gvern fuq il-PAC oġġezzjonaw għal din il-mozzjoni.

Beppe Fenech Adami appella lill-membri tal-Gvern biex ma jdgħajfux ħill-Kumitat billi jirrinunzjaw jew jiddubitaw is-setgħet li għandu.

Id-Deputat Karol Aquilina minn naħa tiegħu qal li bl-aġir tiegħu, Konrad Mizzi issa qed joffendi anke lill-Membri tal-Gvern eks kollegi tiegħu.

Il-membru fuq il-PAC, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus stqarr li ma setax jifhem din il-U-Turn minn naħa tal-Gvern wara li ġimgħa ilu biss ivvota mal-Oppożizzjoni biex jerġa’ jissejjaħ jixhed Konrad Mizzi.

Iżda minkejja dan kollu, Glenn Bedingfield, Jonathan Attard, Clayton Bartolo u Alex Muscat ivvutaw kontra l-mozzjoni biex il-Kamra tar-Rappreżentanti tordna lill-Konrad Mizzi jixhed quddiem dan il-Kumitat.

Wara li vvutaw kontra l-mozzjoni tad-Deputat Karol Aquilina, il-membri tal-Gvern riedu jressqu mozzjoni li titlob li jkun l-ispeaker li jirregola l-proċedura li għandha tintuża f’dan il-każ. Madankollu, dan ma ġiex aċċettat mill-membri tal-Oppożizzjoni, illi spjegaw li din mhijiex il-proċedura u li f’każ bħal dan iridu jkunu l-membri tal-Gvern stess li jitolbu ruling mill-ispeaker.

Intant aktar tard, quddiem l-istess Kumitat deher Ray Fenech, iz-ziju tal-imprenditur Yorgen Fenech, u direttur tal-kumpanija GEM Holdings u li fl-1 t’Ottubru sar ukoll direttur tal-Electrogas.

Quddiem il-Kumitat, Ray Fenech qal li ħafna informazzjoni li għandha l-kumpanija hija ta’ natura sensittiva, u allura qed jitlob li din l-informazzjoni jekk tingħadda lill-Kumitat trid tibqa’ barra mid-dominju pubbliku. Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal lil Fenech li għandhom ikunu huma bħala GEM u Electrogas Malta Ltd li jagħzlu dawk li huma d-dokumenti li jistgħu jressqu u jippreżentawhom lill-PAC.