Lokali

“Il-ġurnalist għandu jkun ir-raba pilastru tad-demokrazija”

“Il-ġurnalist għandu jkun ir-raba’ pilastru tad-demokrazija”. Dan kien l-appell li ħareġ minn panel ta’ diskussjoni mtella’ min Occupy Justice, Repubblika u manueldelia.com, bl-isem “Il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti wara Daphne”.

Waqt din id-diskussjoni pubblika, il-panel – magħmul minn Kristina Chetchuti, id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia u Andrew Borġ Cardona – iddiskuta diversi ostakli li qed jiffaċjaw ta’ kuljum il-ġurnalisti Maltin, kif ukoll il-perikli għal ħajjet il-ġurnalisti.

Therese Commodini Cachia qalet li l-ġurnalisti mhux protezzjoni għandhom bżonn, iżda ambjent soċjali aħjar fejn jkunu jistgħu jagħmlu d-dmir tagħhom mingħajr xkiel, kemm mill-Gvern Malti, kif ukoll min media oħrajn li qed ikunu użati mill-Gvern biex jiżvijjaw lill-poplu u jiskreditaw lill-kollegi tagħhom fuq ordni mill-Gvern.

Min-naħa tiegħu, Andrew Borġ Cardona kompla fuq il-punt tad-Deputat Nazzjonalista billi qal li minbarra li jkun hawn ambjent soċjali aħjar għall-ġurnalisti, il-poplu għandu bżonn jitgħallem jevalwa u jiġġudika hu innifsu jekk l-informazzjoni li qed tkun mogħtijja minn ċerti sorsi hijiex korretta jew sempliċiment hix intenzjonata li tħawwad lill-poplu.

U Kristina Chetchuti ddikjarat li hu sempliċiment inaċċettabli li l-Gvern għadu ma ħa l-ebda passi biex joffri sigurtà u jipproteġi lill-ġurnalisti, speċjalment wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Chetchuti kompliet li l-uniku mod li s-sitwazzjoni tista’ ssir aħjar hi li nrawmu lit-tfal tagħna min età żgħira biex jikkritikaw u jevalwaw id-diversi ideat li qed jintaqgħu magħhom ħalli fil-futur ikunu infurmati biżżejjed ħalli jevalwaw l-informazzjoni mogħtija lilhom.