Lokali

“Il-Gvern lill-ħaddiem tah €1.75 biss, u kompla jgħabbih bid-dejn” – Bernard Grech

“Għall-ħaddiem sab biss €1.75, u minkejja dan, il-Gvern kompla jżid il-piż fuqna u jdejjen lill-familji Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk ukoll li pajjiżna jeħtieġ bidla”

Dan il-messaġġi li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività soċjali organizzata mill-Partit Nazzjonalista f’Baħar iċ-Ċagħaq dalghodu.

Wara l-merħba sabiħa ferm li ingħata minn dawk preżenti għal din l-attività, Bernard Grech għamel diskors qasir fejn fakkar kif kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li tul is-snin elevaw lill-ħaddiema… lill-anzjani… u lill-persjonanti. Partit li dejjem ta importanza kbira lill-Governanza tajba filwaqt li dejjem kellu viżjoni fit-tul fil-qasam tax-xogħol, u introduċa pilastri tal-ekonomija li pajjiżna għadu jserraħ fuqhom sal-lum, bħas-servizzi finanzjarji, il-gaming, il-farmaċewtika,l-investiment fil-Freeport u fl-Ajruport Internazzjonali u ħafna oħrajn.

B’kuntrast ma’ dan, qal il-Kap tal-PN, dan il-Gvern reġa’ ppreżenta Budget li ħalla barra setturi sħaħ ta’ ħaddiema fosthom lill-għalliema, l-infermiera, lit-tobba, lill-Pulizija, lill-armata u oħrajn,u ħalla lin-negozji jaraw kif se jsolvu huma l-problemi kbar li qed jiffaċċjaw b’rabta mal-improtazzjoni. Budget li hu kompletament vojt minn ideat ġodda f’dak li huma oqsma innovattivi ta’ xogħol u investiment.

U wara li issa ammetta li qed jisraq lill-familji Maltin u Għawdxin f’kull kont tad-dawl li qed jibgħat, dawn il-flus mhux se jroddilhom lura, minkejja li ammetta hu stess li serqilhom.  Imma fl-istess waqt, il-poplu se jkompli jħallas minn butu għall-proġett skandaluż tal-Electrogas, u l-Gvern se jippompja 20 miljun oħra lil Steward.

Hu u jindirizza lil dawk preżenti, Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonlista huwa l-Partit li jagħti każ lil kulħadd. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil min attenda tal-kuraġġ li juru meta jitkellmu huma wkoll u jxerdu l-messagg tal-Partit sabiex il-familja Nazzjonalista tibqa’ tikber dejjem kuljum u sabiex dan il-pajjiż ikollu l-bidla li tixraqlu..