Lokali

Il-Ħamrun jingħaqad biex isellem lil Fonzu

Il-Ħamrun illum ingħaqad biex jagħti l-Aħħar Tislima lil Alphonse Farrugia, magħruf bħala Fonzu, li miet jumejn ilu fl-età ta’ 82 sena. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajtu saret fil-Knisja Arċipretali, iddedikata lil San Gejtanu.

Fonzu kien sid stabbiliment ewlieni ta’ bejgħ ta’ prodotti alkoħoliċi u tal-gass, iżda wkoll bniedem li kien jgħin lil dawk fil-bżonn fi ħdan il-komunità Ħamruniża.

Matul l-Omelija fil-Quddiesa tal-Funeral, Patri Marcellino Micallef faħħar dan id-don li kellu Fonzu għax qal li, għalkemm għal Fonzu setgħet kienet xi ħaġa żgħira, din l-għajnuna setgħet kienet importanti ħafna għal min kellu bżonnha.

Patri Marcellino qal li mhux ta’ b’xejn li Fonzu ngħata l-Aħħar Tislima fil-Knisja ddedikata lil San Gejtanu għax bħalu, il-Qaddis kien magħruf għall-providenza.

Barra minhekk, hu nnota wkoll l-imħabba li Fonzu kellu għall-familja tiegħu u kif ra li wliedu jittellgħu bil-valuri Nsara. Dan filwaqt li tahom l-aħjar trobbija possibbli, fost is-sagrifiċċji li għamel biex jirnexxi kummerċjalment.

Fost dawk li ppakkjaw il-Knisja Arċipretali u anke z-Zuntier, kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u anke l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll diversi Deputati u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit.