Lokali Qorti

Il-Qorti tgħid li l-arrest ta’ Patrick Spiteri kien illegali u li nksiru d-drittijiet tiegħu

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li d-drittijiet tal-avukat Patrick Spiteri nkisru meta nżamm taħt arrest f’Malta fuq il-qawwa ta’ manadat ta’ arrest Ewropew mingħajr ma ġie eżegwit mandat ta’ arrest lokali, u qieset li d-detenzjoni tiegħu kienet illegali.

Spiteri qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni ta’€7.4 miljun f’każ li jmur lura 20 sena. Huwa kien talab lill-Qrati biex itaffu l-kundizzjonijiet tal-pleġġ tiegħu sabiex jippermettulu jkun jista’ jaħdem barra mill-pajjiż. L-avukat ta’ Spiteri, Stefano Filletti, kien ressaq kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn sostna li l-fatt li kien miżmum taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) li ma kienx akkumpanjat minn mandat ta’ arrest lokali, ikkostitwixxa ksur tad-drittijiet tiegħu.

Huwa kien qal lill-Imħallef Anna Felice li Spiteri huwa s-suġġett għal proċeduri kriminali li ilhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mill-2008. Il-proċeduri kienu inizjalment b’ċitazzjoni u mhux b’arrest, qal l-avukat. Spiteri kien iddikjara li kellu bżonn jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit għal trattament mediku għal kundizzjoni medika rari u regolarment jibgħat lill-prosekuzzjoni ċertifikati mediċi li jiddeskrivu t-trattament tiegħu, qal Filletti.

L-avukat irrimarka wkoll li l-prosekuzzjoni kienet talbet Mandat ta ‘ Arrest Ewropew fi stadju meta l-Maġistrat li kien qed jippresiedi kien għadu kemm ġie sostitwit u mingħajr ma informa lill-Maġistrat li l-Prosekuzzjoni kienet f’kuntatt regolari ma’ Spiteri dak iż-żmien.

Għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, l-applikant talab il-kanċellazzjoni ta’ kull deċiżjoni tal-qorti li żżommu arrestat f’Malta u l-kundizzjonijiet kollha tal-pleġġ. Fit-tweġiba tiegħu l-AĠ qal li t-talba ta’ ksur tad-dritt ta’ Spiteri għal proċess ġust kienet prematura minħabba li l-proċeduri kriminali kienu għadhom fl-istadju ta’ kumpilazzjoni.

L-AĠ qal ukoll li t-talba ta’ Spiteri għall-kanċellazzjoni ta’ żewġ digrieti mogħtija mill-Qorti Kriminali kienet “abbuż ta’ proċedura ”billi kien qed jipprova juża l-proċeduri Kostituzzjonali biex iwaqqa’ d-digrieti tal-Qorti kriminali. Il-Qorti, wara li kkonsultat ġurisprudenza lokali u Ewropea, iddeċidiet li l-MAE kellu bżonn mandat ta’ arrest nazzjonali biex l-akkużat jinżamm arrestat wara l-wasla tiegħu f’Malta.

Il-fatt li Spiteri nżamm taħt arrest mingħajr mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ f’Malta, kien ifisser li d-detenzjoni tiegħu kienet illegali u għalhekk id-dritt fundamentali tiegħu għal-libertà nkiser, iddeċiediet l-Qorti. “Il-Qorti ilha taħseb dwar dan u tiddeċiedi li għalkemm id-detenzjoni tal-applikant bejn Mejju u Diċembru 2017 ma kinitx ġustifikata – anzi kienet illegali – u minkejja wkoll il-fatt li llum id-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment qed jiġi mxekkel minħabba għall-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti Kriminali li jillimitaw il-libertà tal-moviment tiegħu, il-kanċellazzjoni ta’ kull kundizzjoni imposta mill-Qorti Kriminali li tillimita l-libertà tal-moviment tiegħu ma kinitx fl-aħjar interessi tal-ġustizzja skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ.

“M’għandhiex tkun din il-Qorti li tiddeċiedi jekk l-applikant jistax jivvjaġġa minn dawn il-gżejjer waqt li l-proċeduri kriminali kontrih għadhom għaddejjin, wara li huwa għeb għal kważi tliet snin, u li kieku tilqa’ t-talba tiegħu dak huwa preċiżament dak li tkun qed tagħmel .

“Madankollu, dan ma jneħħi xejn mill-fatt li l-imputati ma jistgħux jibqgħu jistrieħu fuq il-MAE bħala bażi għall-garanzija tal-applikant u tordnahom jirregolarizzaw din is-sitwazzjoni … fi żmien 20 jum minn din is-sentenza.” Il-Qorti ddikjarat li d-dritt fundamentali ta’ Spiteri għal-libertà u l-moviment ħieles kienu qed jinkisru mill-fatt li r-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tiegħu ma sarux fuq il-qawwa ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali. It-talbiet l-oħra tiegħu ġew miċħuda mill-Qorti. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher għal Spiteri.