Lokali Qorti

Immultat €20,000 u sentenza sospiża wara li żamm 44 kelb f’kundizzjoni ħażina

Anzjan ta’ 66 sena residenti ż-Żejtun ġie mmultat €20,000 u kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u wara li nstab ħati li żamm 44 kelb f’kundizzjoni ħażina ġewwa d-dar tiegħu. Antonio Vella kien ġie nvestigat fi Frar ta’ sentejn ilu mill-uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha ordnat lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jieħu f’idejh l-annimali u jekk ikun hemm bżonn isibilhom dar sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar. Huma kienu għamlu spezzjoni fid-dar tiegħu u sabu numru kbir ta’ klieb fi stat ħażin.

Ir-riħa li kien hemm fil-post kienet waħda orribbli. Riħa ta’ urina u ħmieġ tal-klieb, li kien mal-art u waqt li ħafna minnhom kienu qed jiġru mad-dar, kien hemm sitta miżmumin f’gaġeġ ġewwa garaxx. Kull gaġġa kienet ta’ żewġ metri b’metru u nofs, kien hemm bejn ħamsa u sebat iklieb tar-razza Cavalier King Charles Spaniel. Il-parti l-kbira tal-klieb kienu ċċippjati imma 14 minnhom ma kinux.

Minn aktar investigazzjioni rriżulta li kien hemm 10 reġistrati fuq martu, li hija mejta, u tnejn fuq persuna oħra. Il-maġġoranza tal-klieb kienu tar-razza Cavalier King Charles Spaniels, iżda kien hemm razzez oħra fosthom tal-Fenek, Rough Collier, Chow Chow u Shih Tzu.

Il-klieb li kienu qed jiġru mad-dar kienu f’kundizzjoni aħjar minn dawk fil-gaġeġ li kienu verament irqaq. Ħafna mill-klieb kellhom ukoll b’ħafna għoqiedi u l-pil kien maħmuġ. Meta l-uffiċjali staqsewh għala kellu dawk il-klieb kollha, huwa qalilhom li kien dilettant tal-konkors tal-klieb u anke wrihom midalji li rebaħ.

Il-Maġistrat Nadine Lia, qalet fis-sentenza tagħha li Vella tilef il-kontroll dwar kif jieħu ħsieb lill-klieb u kkundannatu aktar talli għamel użu minn uħud mill-klieb biex jirbaħ il-midalji. Saħqet li huwa ta’ tħassib għalll-Qorti, u jitfa’ dell ikrah fuq il-passatemp ta’ min irabbi u jdaħħal il-klieb f’kompetizzjonijiet.

Il-Qorti qalet ukoll li teżisti realtà kerha dwar it-trattament ta’ dawn l-annimali wara li ma jibqgħux jiġu użati għal dawn il-kompetizzjonijiet u ma jibqgħux fl-aqwa żmien tagħhom. Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset, fost affarijiet oħra, li Vella qatt ma wera rimors għal dak li kkaġuna lill-klieb u anke l-fatt li minn spezzjoni għal oħra s-sitwazzjoni baqgħet l-istess. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.