Lokali

Ippreżentat ir-rapport tal-grupp ta’ ħidma “Qatt Aktar”

Hu importanti li l-Istat, u l-pajjiż inġenerali, jirrikonoxxu l-iżbalji li saru u jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli dak li ġara bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ma jerġa’ jsir qatt aktar.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ mir-rapport imfassal mill-grupp ta’ ħidma “Qatt Aktar”, li ħoloq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat.

Dan ir-rapport ingħadda lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ftit jiem biss qabel ir-raba’ anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista.

Waqt il-preżentazzjoni tagħhom, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Emma Portelli Bonnici u Stanley Portelli spjegaw lil Bernard Grech li l-pajjiż mhux dejjem ikun konxju ta’ kemm hi b’saħħitha l-media fid-dinja tal-lum.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun qed jara li l-ġurnalisti jingħataw il-protezzjoni li tixraqilhom. Hu faħħar l-impenn ta’ dan il-grupp ta’ ħidma, li wassal biex illum qed naraw punti validi li jsawwru aktar il-politika tal-Partit.

Fost l-oħrajn, il-grupp ta’ ħidma jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Kunsill tal-Istampa, Kummissarju tal-Media u Riforma fl-Awtorità tax-Xandir.

Jappella wkoll lill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jimbotta għal-leġiżlazzjoni kontra l-iSLAPP madwar l-Unjoni Ewropea u anke f’pajjiżna, kif ukoll biex jistabbilixxi kodiċi ta’ etika stretta għall-media tiegħu stess.

Ir-rapport, li mistenni jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin, isegwi l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika li saret dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li sabet lill-Istat kompliċi biex jippermetti l-qtil.

Il-Partit Nazzjonalista diġà kkommetta ruħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Pubblika, filwaqt li mexxa wkoll eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma’ diversi partijiet interessati, inklużi ġurnalisti, biex jiddetermina kif jista’ jmur lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti.