Lokali

Kelliema internazzjonali waqt il-velja fir-4 sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Numru ta’ kelliema internazzjonali se jieħdu sehem u se jitkellmu waqt il-velja li ser issir fil-Belt Valletta nhar is-16 ta’ Ottubru 2021, erba’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-kelliema internazzjonali li se jkunu qed jieħdu sehem din is-sena huma:

Is-Senatur Taljan Sandro Ruotolo: veteran tal-ġurnaliżmu Taljan u fl-imgħoddi ippremjat bil-Premju Daphne Caruana Galizia għall-kuraġġ fil-ġurnaliżmu mogħti mill-festival annwali tal-ġurnaliżmu f’Ronchi dei Legionari. Fl-2020 Sandro Ruotolo ikkontesta l-elezzjoni bħala kandidat indipendenti għas-Senat Taljan u kien elett bl-appoġġ miċ-ċentru xellug.

Mattia Motta: ġurnalist u sindakalista Taljan attiv fil-Federazione Nazionale Stampa Italiana li tirrappreżenta l-interessi tal-ġurnalisti fl-Italja.

Se jkunu qed jieħdu sehem ukoll kelliema mill-organizzazzjonijiet Article 19, il-Committee to Protect Journalists, il-European Centre for Press and Media Freedom, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti u Reporters Without Borders.

Dawn l-organizzazzjonijiet huma promoturi fuq livell globali tal-libertà tal-espressjoni u tal-ġurnaliżmu ħieles u tul l-erba’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħadu sehem mill-qrib fl-isforz biex ikunu assigurati verità u ġustizzja f’dan il-każ.

Waqt iż-żjara tagħhom rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet se jkollhom laqgħat ma’ diversi awtoritajiet inkluż il-prim ministru u l-kummissarju tal-pulizija.

Il-velja tas-16 ta’ Ottubru se ssir fis-7.30 pm u hi organizzata minn Repubblika, #occupyjustice, u manueldelia.com.