Il-Union tal-Infermieri u Qwiebel, l-MUMN, ħarġet direttivi sabiex jitwaqqaf id-dħul ta’ pazjenti ġodda f’San Vinċenz de Paul minħabba li hemm nuqqas kbir ta’ infermiera – nuqqas ta’ riżorsi umani li l-Budget ma ndirizzax.
Fi stqarrija, l-MUMN sostniet li għaddejja kwistjoni taħraq bejn id-Diviżjoni tas-Saħħa u dik tal-Anzjani. B’riżultat ta’ dan, il-Ministeru tas-Saħħa iddeċieda li ebda infermieri gradwati ġodda m’hu se jgħaddu mal-ministeru tal-anzjani …u għaldaqstant, San Vinċenz mhux se jkollu infermieri ġodda.
L-MUMN qalet li l-kwistjoni bejn żewġ ministeri qed tħalli effetti ħżiena fuq l-infermieri għaliex qed issir diskriminazzjoni ma’ infermieri f’San Vinċenz li ma jistgħux ikunu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei.
Il-Union qalet li din hi biss kwistjoni waħda minn diversi li għandha bħalissa mal-Gvern u akkużatu li qed jipprova jinqeda bil-Qrati biex irażżan id-drittijiet tal-infermieri.
Għal dawn l-aħħar disa’ xhur, id-Diviżjoni tas-Saħħa bdiet twebbes rasha għal kull forma ta’ ftehim f’diversi oqsma settorjali u meta l-union tkun sfurzata toħroġ direttivi, id-Diviżjoni tirrikorri għand il-Qrati biex twaqqaf azzjonijiet industrijali.
Ebda Prim Ministru u ebda Ministru tas-Saħħa fi Gvernijiet passati ma wrew daqshekk arroganza u nuqqas ta’ rispett li qed juri dan il-Gvern fil-konfront tal-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa, qalet b’mod ċar l-MUMN. Xi ħaġa li tikkontrasta ferm mal-kliem sabiħ tal-Budget.
Minħabba f’hekk, il-union reġgħet attivat direttivi li kienet ħarġet fix-xhur li għaddew lil assistenti ta’ dentisti, speċjalisti li jagħmlu t-testijiet tad-demm u tekniċi li jieħdu ħsieb sterilizzazzjoni u dekontaminazzjoni. Tibqa’ fis-seħħ ukoll id-direttiva lill-infermieri fl-Isptar Mater Dei biex ma jużawx is-sistema robotika tat-tqassim tal-mediċini.
//= $special ?>