Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’attentat ta’ hold-up minn ħanut

Raġel ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar  inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li fil-5 ta’ Ottubru li għadda ipprova jagħmel hold-up minn ħanut tal-merċa u l-ħelu f’Ħal Tarxien. Antonio Mangion li għandu problema akuta ta’ droga wieġeb mhux ħati li żamm żewġ sale-girls fil-ħanut kontra l-volontà tagħhom u li ppuntalhom arma tan-nar ‘fake’.

Irriżulta li għal mument Mangion irrealiżża li kien qed jagħmel ħażin u telaq il-barra u ħarab bl-istess karozza li huwa kien pparkja fil-viċinanzi tal-ħanut, liema karozza hija propjetà tal-kunjatu tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li fera ħafif waħda mis-salegirls u li żammhom kontra l-volontà tagħhom, u li kellu arma rregolari.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat pparkja l-karozza żewġ kantunieri l-bogħod għall-ħabta tat-8.10pm u madwar 20 minuta wara telaq. Tenna li wara nvestigazzjoni li saret u minn filmati tas-CCTV’s fil-viċin l-Pulizija waslet għall-akkużat li ġie arrestat nhar it-Tnejn.

Saret talba mill-Avukat tiegħu Matthia Felice għal libertà proviżorja li sabet l-oġġezzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni  fejn qalet li huwa minnu li l-arma mhijiex ta’ vera iżda l-vittma xorta waħda ħadu qatgħa.

L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Sarah Zerafa li mexxew il-prosekuzzjoni qalu li huma tal-fehma li hemm il-biża li Mangion jikkommetti reat ieħor u li hemm diversi xhieda li għad iridu jddeponu fil-Qorti, fosthom il-vittmi u l-istess kunjata tal-akkużat.

Id-difiża qalet li l-akkużat huwa nnoċenti sakemm jiġi pruvat mod ieħor u li huwa minnu li għandu problemi ta’ droga u anke problemi finanzjarji. Imma mhuwiex tifel ħażin tant li reġa’ lura minn dak li kien se jagħmel.

Tenna li kienet ġennata tal-mument u li mhux bniedem perikoluż. Huwa qal li l-klijent tiegħu kkopera bis-sħiħ tal-Pulizija u mhux tort tiegħu li x-xhieda għadhom ma ttellgħux fil-Qorti. Il-Maġistrat Lia ċaħdet it-talba iżda ordnat lill-Prosekuzzjoni biex tfittex ittella’ x-xhieda.