Karol Aquilina PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-parlament li b’dawn id-dokumenti u b’dawn l-Arkivji Notarili wieħed jista’ jibni l-istorja ta’ Malta u għalhekk tajjeb li dawn l-Arkivji tan-Nutar tal-Gvern ikunu żviluppati f’post fejn aktar u aktar Maltin iżuruhom u jitgħallmu mir-rikkezzi li għandu pajjiżna f’dan ir-rigward.
M’għandux ikun hemm okkażjonijiet fejn xi Atti tan-Nutar tal-Gvern jintilfu. Dawn l-Atti għandhom jinżammu b’reqqa kbira għaliex dawn huma l-patrimonju ta’ pajjiżna.
Karol Aquilina tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-professjoni tan-nutara u qal li din attwalment hi fi kriżi. Għandna nutara b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza li qed jitilfu mill-professjoni.
L-affarijiet li żviluppaw dan l-aħħar u li huma marbuta ma’ due diligence li wasslu biex nutara serji qed jibżgħu mill-qadi tar-rwol tagħhom li qed jippreferu li ma jieħdux ir-riskju tax-xogħol tagħhom u jwarrbu minn din ir-responsabbiltà.
Jgħidulek li llum aktar qed jagħmlu xogħol marbut ma’ due diligence aktar milli marbut ma’ titlu tal-art jew jaraw ir-riċerki. Tajjeb li kulħadd japprezza li għandna xi ħaġa serja ħafna u li qed twassal biex nutara ma jibqgħu jservu fil-professjoni tagħhom.
Dan kollu qed iseħħ għaliex fil-pajjiż kellna min żbalja bl-ikrah iżda ħadd ma ħa passi fil-konfront tagħhom. Mela min abbuża mill-poter tħalla għaddej lixx, filwaqt li n-nutara llum huma mwerwra fuq il-proċess li suppost iwassal għal ċerti kuntratti.
Din hi sitwazzjoni tat-tħassib u f’dinja ċivilizzata dawn l-affarijiet m’għandhomx iseħħu.
In-nutara huma mwerwra u jekk l-Istat mhux se jindirizza din is-sitwazzjoni serja, allura dawk li se jibqgħu jservu fiha se jonqsu qatigħ u se jispċċaw biss il-cowboys.
Karol Aquilina qal li sfortunatament fl-aħħar snin kien hawn numru ta’ nutara li abbużaw mir-rwol tagħhom u forsi fir-rigward ta’ wħud minnhom l-Istat ma aġixxa assolutament xejn.
In-nutara lesti biex jikkoperaw biex l-affarijiet jitranġaw minnufih, iżda ma jixtiequx, anzi ma jridux, li jagħmlu xogħol li fil-verità ma hux fir-remit tagħhom.
Fil-konfront tan-nutara qed iseħħu inġustizzji kbar li għandhom jieqfu għaliex ma hux sew li l-Istat jitħalla jintefa’ piż qawwi fuq in-nutara.
Karol Aquilina tkellem ukoll dwar persuni b’warrant ta’ nutar, iżda minflok qed jeżerċita professjoni oħra, fosthom ta’ għalliem.
Hu tajjeb li l-ebda nutar ma jkollu kunflitt ta’ interess għaliex ikollu xi xogħol jew professjoni oħra. Iżda hemm ċerti okkażjonijiet fejn il-kunflitt ta’ interess ma jidħolx fis-seħħ. Billi wieħed ikun għalliem part-time m’hu jkun qed jagħmel xejn ħażin jekk imbagħad jeżerċita l-professjoni ta’ nutar.
Tajjeb għalhekk li għal din id-diffikultà tinstab soluzzjoni immedjata għaliex mhux kull professjoni oħra tidħol f’kunflitt ma’ min jeżerċita l-professjoni ta’ nutar.
L-Oppożizzjoni lesta li tikkollabora biex dawn il-kwistjonijiet ikunu indirizzati minnufih.
//= $special ?>