Budget 2022 Lokali

“Żieda fjakka, l-ebda inċentiv għal taħriġ u ideat riċiklati għal Għawdex” – For.U.M dwar il-Budget

Il-Budget kif preżentat mill-Gvern jonqos milli jindirizza l-aktar kwestjonijiet pressanti fil-pajjiż u li jixirqilhom attenzjoni sabiex titfassal strateġija long-term għal pajjiżna.

Dan qalu l-Forum Unions Maltin (For.U.M.), forum iffurmat minn 11 il-union u għaqda f’pajjiżna.

Il-For.U.M. qal li minkejja t-talbiet kontinwi ta’ partners soċjali, dan il-Budget għaldarboħra naqas milli jindirizza l-kwestjoni tal-COLA. Dan irriżulta f’żieda miżera ta’ €1.75. Din iż-żieda il-For.U.M iddeskriviha bħala insinnifikanti meta wieħed iqis iż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi ta’ kuljum. Il-For.U.M. qal li kien qed jistenna żieda ferm aħjar minn din, anke fid-dawl tal-impatt tal-pandemija fuq il-prezzijiet u stqarr li kienjistenna bonus ta’ darba sabiex jittaffa l-piż minn fuq il-familji Maltin.

Il-For.U.M. iddeskriva bħa diskriminatorju t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq l-overtime meta dan qed jingħata biss lil min jaqla’ inqas minn €20,000 fis-sena. Dan, qal il-For.U.M jista’ jwassal ukoll biex ħaddiema jabbandunaw il-postijiet tax-xogħol biex ifittxu impjiegi part-time.

Il-Budget kien nieqes ukoll minn inċentivi u miżuri li jinkoraġġixxu lill-ħaddiema jtejbu l-ħiliet tagħhom. Xi ħaġa li kellha tingħata priorità, skont il-For.U.M. jekk irridu li nindirizzaw l-isfidi preżenti u dawk tal-futur.

Diżappuntanti wkoll il-fatt li l-proġetti msemmija għal Għawdex huma lkoll proġetti li diġà ssemmew f’Budgets preċedenti, u wieħed kien jistenna investmant akbar f’din il-gżira.

Filwaqt li laqgħet bi pjaċir it-tħabbir ta’ trasport pubbliku b’xejn minn Ottubru tal-2022, il-For.U.M. esprima t-tama li jkun hemm konsultazzjoni dwar il-mudell li għandu jiġi implimentat għal dan il-għan.