Lokali

Erba’ awturi Maltin jirbħu l-premju Nazzareno Vassallo 2021

Charles Casha, Joseph Debono, Rita Saliba u Trevor Zahra rebħu dan il-premju

Erba’ awturi Maltin, Charles Casha, Joseph Debono, Rita Saliba u Trevor Zahra rebħu l-premju Nazzareno Vassallo għal din is-sena bhala rikonoxximent ghall-ġest straordinarju li wettqu mal-anzjani fi żmien il-pandemija.

Dawn l-erba’ awturi ġew nominati għal mod kif bis-saħħa tal-letteratura Maltija u permezz ta’ sessjonijiet ta’ qari virtwali, sfidaw l-ostakli li ġabet il-pandemija u żammew kumpanija lil bosta anzjani fid-djar residenzjali li għal xhur sħaħ ma setgħux joħorġu minnhom jew saħansitra jiltaqgħu mal-qraba tagħhom.

Il-qari ta’ dawn l-awturi serva ta’ wens għall-anzjani filwaqt li tahom l-opportunità li jikkumentaw u jiddiskutu mal-istess awturi.

B’kollox, għal dan il-premju kien hemm 13-il nomina, bil-kumitat ta importanza partikolari għal dawk il-persuni u għaqdiet li għamlu xogħol volontarju.

Il-President ta’ Malta, George Vella qal li ra diversi anzjani li bgħatew fl-iżolament u huwa għalhekk illi li jara t-tbissima fuq wiċċhom hi xi ħaġa ta’ sodisfazzjon.

Ic-chairperson tal-kumitat, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi fakkar illi l-għan ta’ dan il-premju hu li barra li jirrikonoxxi diversi persuni, iwassal ukoll messaġġ li l-anzjani għandhom igawdu minn livell għoli ta’ wens u jgħixu b’dinjità.

Minn naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Vassallo Group, Nazzareno Vassallo semma’ kif il-pandemija ġabet tbatija, mard u problemi ta’ saħħa mentali…. liema fatturi ġew imtaffa minn diversi persuni li għamlu dak kollu li setghu biex ikunu ta’ wens ghall anzjani.