Lokali

Gvern Nazzjonalista se jkun qed jirrifondi lura ‘l-poplu s-serq mill-kontijiet

Wara li l-Gvern ammetta s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, Partit Nazzjonalista fil-Gvern se  jkun qed jirrifondi lura lill-poplu il-miljuni li nsterqu mill-kontijiet.

Dan il-messaġġ twassal tul konferenza tal-aħbarjiet li ttellat l-Erbgħa mill-PN indirizzata mill-kelliem ewlieni Peter Agius, il-kelliem tal-Enerġija Ryan Callus u l-kandidat Mark Anthony Sammut fejn saħqu kif il-viżjoni tal-PN fil-qasam tal-enerġija se tkun qed tbiddel id-direzzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur.

Peter Agius qal l-wegħda tal-Partit Laburista qed jisraq lill-poplu, fejn kien wiegħed kontijiet irħas, imma l-poplu spiċċa jħallas aktar.

“Jien noħlom li dan il-pajjiż, il-kont tad-dawl u l-ilma ma jkunx materja kull elezzjoni, dak li wegħdna l-PL, meta propona sistema ta’ enerġija ġdida, wegħda inkubu li sarfet f’kontijiet aktar għoljin”

Ryan Callus qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iwaqqaf is-serq, u kif ukoll li jirrifondi lura lill-poplu dan is-serq. Huwa qal li jekk wieħed qed ifittex li miegħu ssir ġustizzja, fl-elezzjoni ġenerali li ġejja għandu jivvota lill-PN.

“Li qed ngħidu li s-serq li ħallas il-poplu Malti, biex dak li l-poplu ħallas żejjed, jingħata lura l-flus li ħadulu… Kull min insteraq, l-għażla naturali tiegħu hija l-PN għax b’hekk biss jista’ jieħu lura dak li l-Gvern ħadlu.”

Mark Anthony Sammut qal li l-PN mhux biss qed jitkellem fuq is-serq fil-kontijiet tad-dawl, imma qed joffri viżjoni għat-30 sena li ġejjin.

“Il-PN nieda politika għall-eneġija għat-30 sena li ġejjin. Dan juri kemm il-PN mhux biss Oppożizzjoni li tagħmel kritika fejn ikun hemm bżonn, imma Partit li jista’ jkun Gvern alternattiv.”