Edukazzjoni Lokali

“Gvern Nazzjonalista minn dejjem kien pilastru biex titwettaq l-bidla meħtieġa fis-settur tal-edukazzjoni” – Bernard Grech

Gvern Nazzjonalista minn dejjem kien pilastru biex titwettaq l-bidla meħtieġa fis-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Vizjoni li bdiet fl-2000 waslet biex illum pajjiżna għandu l-istituzzjoni edukattiva tal-MCAST li qed toffri possibbiltajiet ġodda lil diversi studenti u tagħti opportunitajiet ġodda lil kulħadd.

Tħossok kburi li Gvern Nazzjonalista għoxrin sena ilu welled propju din il-ħolm… ħolma li mbagħad kompliet tiwettaq minn Gvernijiet differenti., fejn kull gcern jibni fuq il-Gvern ta’ qablu.

Il-Ħamis filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel żjara fl-MCAST f’Raħal Ġdid. Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mill-Professur Ian Refalo, President tal-Kulleġġ tad-Diretturi u mill-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Calleja.

Bernard Grech kellu l-okkazjoni jdur mal-bini ta’ din l-istituzzjoni u jiltaqa’ ma’ diversi studenti li attendew il-Fresher’s Week fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida.

Irrid nara li din l-istituzzjoni tkompli tikber, tkompli tissaħħaħ u tkompli tiġbed lejha dawk l-istudenti illi minkejja d-diffikultajiet tagħhom fejn setgħu m’għamluhiex fil-ħajja  imma hawnhekk ikunu jistgħu jibdew minn liema livell huwa possibbli għalihom u fl-aħħar mill-aħħar jaslu fejn jixtiequ. Irridu mmexxu aktar fuq l-apprentistat u fuq is-snajja’ u bla dubju din l-istituzzjoni hija l-post ideali fejn nistgħu wkoll ninkludu dawn it-tibliet li rridu li jseħħu f’dan il-pajjiż.

Dawn l-istudenti kellhom l-okkażjoni li jitkellmu ma’ Bernard Grech u jaqsmu miegħu l-isfidi li qed jaffaċċjaw kif ukoll il-ħiliet li qed jakkwistaw permezz ta’ korsijiet li toffri l-MCAST.  

Din l-istituzzjoni tilqa’ fiha madwar 7,000 student full time u madwar 1,400 part time, b’total ta’ madwar 180 kors.. korsijiet li jvarjaw f’diveri oqsma fosthom l-apprentistat.

Għal din iż-żjara, preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli u mill-Kandidati Justin Schembri u Bernice Bonello.