Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jitlob laqgħa urġenti mal-Awtorità tax-Xandir

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qegħdin iseħħu fix-xandir pubbliku u l-mod kif qed jitmexxa l-PBS, il-Kap tal- Oppożizzjoni Bernard Grech bagħat ittra liċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir Frank Farrugia sabiex issir laqgħa urġenti.

Dan fid-dawl tal-ksur lampanti tal-imparzjalità…. kif ukoll il-manipulazzjoni partiġjana tal-informazzjoni mill-Gvern.

Bernard Grech qed jitlob li ssir din il-laqgħa ma’ Farrugia anke bħala sid tal-istess liċenzjat Ii għandu l-obbligu Ii jħares il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kostituzzjoni ta’ Malta dwar il-libertà tal-espressjoni u t-twassil ta’ informazzjoni ġusta u bilanċjata f’soċjetà demokratika.

Il-Kap tal-Partit Oppozizzjoni, ghalhekk, qed jeżiġi b’mod formali biex din il-laqgħa mal-Awtorità tax-Xandir issir sa mhux aktar tard mill- Ġimgħa 15 ta’ Ottubru.

Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi ġimgħat jisħaq li f’pajjiż demokratiku mhux aċċettabbli li jkollok xandir tal-istat li ma jkunx imparzjali… xandir pubbliku li huwa maħtuf mill-Partit Laburista u spiċċa noticeboard ta’ Robert Abela.

Fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-Tlieta fuq l-istazzjon nazzjonali, 36% tal-ħin kien allokat għall-attivitajiet tal-Partit Laburista u l-Gvern…. filwaqt li għall-Partit Nazzjonalsita ma inghata ebda spazju. Għal darb’oħra dan kollu huwa turija ċara ta’ Gvern Laburista li qed jitrasforma x-xandir nazzjonali li hu mħallas mit-taxxi tan-nies f’magna ta’ propoganda għall-Gvern Laburista. Magna li tuża kull mezz possibbli biex iddawwar l-aħbar favur Robert Abela u l-Partit Laburista.

Quddiem il-fatti li qed jirriżultaw jum wara l-ieħor, iċ-ċittadin Malti jixraqlu li jisma’ l-verita kollha u tkun salvagwardjata d-demokrazija, it-trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni.