Skont il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, il-Gvern Laburista solva l-problema tat-traffiku li għandna f’pajjiżna.
Il-Ministru għamel din id-dikjarazzjoni stramba waqt dibattitu mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario Demarco fil-programm KontraKurrent fuq Net Television, prezentat minn Roderick Agius. Dikjarazzjoni li xejn ma niżlet tajjeb mal-persuni li ta’ kuljum qed jagħmlu sigħat fit-traffiku madwar il-pajjiż.
Waqt dan id-dibattitu, il-Ministru reġa’ ħarab milli jwieġeb dwar x’qed jagħmel biex pajjiżna joħroġ mill-greylist tal-FATF u meta qed jippjana li dan isir.
Clyde Caruana ħarab ukoll milli jwieġeb dwar Elezzjoni Ġenerali bikrija… sitwazzjoni li qed toħloq inċertezza kbira fil-pajjiż. Mistoqsi diversi drabi biex iwiegeb b’mod car, il-Ministru tal-Finanzi baqa’ evaziv.
Waqt sagħtejn u nofs qari tal-Budget, il-Ministru ħabbar li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja se tkun ta’ 1.75 fil-ġimgħa. Anke jekk issa ametta li din mhux bizzejjed.
U lejliet elezzjoni ġenerali, Clyde Caruana għamel kif kien għamel Joseph Muscat u l-konsulent tiegħu Robert Abela …..u qal li se jbiddel il-mekkaniżmu tal-COLA – xi ħaġa li ilhom jgħidu li se jagħmlu 9 snin, filwaqt li ż-żieda baqgħet dejjem waħda minima.
Dan huwa l-istess kif għamlu dwar il-mod li bih qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl, li minħabba fihom qed inhallsu kontijiet ogħla.
…bil-Ministru jibqa’ ma jagħti ebda serħan il-moħħ għal dawn il-problemi li qed jaffetwaw il-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>