Il-Proġett Pegasus, mill-Forbidden Stories huma r-rebbieħa tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia. Il-Parlament Ewropew tella’ għall-ewwel darba l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia fl-okkażjoni tar-raba’ sena mill-assassinju tal-ġurnalista.
Il-premju, li jinkludi somma ta’ EUR 20,000, ġie ppreżentat lir-rappreżentanti tal-konsorzju Sandrine Rigaud u Laurent Richard mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti Anthony Bellanger, li kien qed jirrappreżenta d-29 membru tal-ġurija Ewropea.
Preżenti għal din l-edizzjoni kien hemm ulied il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Matthew u Andrew. F’din l-edizzjoni kien hemm żewġ ġurnalisti Maltin li kienu mal-aħħar 15-il finalist, Caroline Muscat minn The Shift u Jacob Borg mit-Times of Malta.
F’diskors li wettaq il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli qal li llum il-professjoni tal-ġurnaliżmu saret professjoni mhedda madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Huwa qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed li ħasad lill-Ewropa kollha, u li permezz tiegħu aktar ħareġ fil-beraħ fuq kif il-libertà tal-espressjoni qed tkun maħnuqa.
Sassoli qal li qatt m’għandna ninsew id-drittijiet tagħna bħala ċittadini, li nħarsu l-ħajja, iżda li fuq kollox inkunu nafu l-verità.
Tul din iċ-ċerimonja ntqal ukoll li fl-2020, 65 ġurnalista fl-Ewropa kienu maqtula, u fl-2021 l-ammont ta’ ġurnalisti maqtula huwa maħsub li se jkun l-istess.
Preżenti f’din l-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia kien hemm il-Viċi President tal-Parlament Ewropew u l-MPE Roberta Metsola u l-MPE David Casa.
It-trofew ta’ din l-edizzjoni kien magħmul mill-iskultur Malti Noel Galea Bason.
Ara l-edizzjoni hawnhekk.
//= $special ?>