Internazzjonali

Il-WHO: L-aħħar ċans biex jinstabu l-oriġini tal-Covid-19

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-aħħar ċans biex id-dinja ssir taf il-vera oriġini tal-Covid-19 kapaċi jasal ‘biss’ permezz ta’ taskforce ġdid li jitħalla jmexxi l-investigazzjonijiet speċifiċi mingħajr xkiel.

Intant, il-WHO innominat 26 espert biex jissieħbu mat-task-force – jew aħjar,  is-Scientific Advisory Group on the Origins of Novel Pathogens (Sago).

Illum, aktar minn sena u nofs mindu l-virus instab fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, id-dinja għadha qed tistenna biex issir taf ‘eżatt’ kif il-Covid-19 feġġ fostna. Intant, it-task force’ġdid’ għandu jikkunsidra jekk il-virus kienx trasmess mill-annimali għall-bnedmin fis-swieq ta’ Wuhan inkella jekk seħħx ‘leak’ minn xi laboratorju.

Iċ-Ċina qed tkompli tirrifjuta li l-virus seta ħareġ minn laboratorju u fi Frar li għadda, skwadra tal-WHO kienet marret f’dan il-pajjiż fejn ikkonkludiet li l-virus ‘x’aktarx kien dovut għall-friefet il-lejl’ u li kien meħtieġ aktar studju dwar il-każ

Intant, id-direttur-ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, ‘il quddiem, qal li l-investigazzjoni kienet ‘imfixkla’ min-nuqqas ta’ data u trasparenza min-naħa taċ-Ċina.

Sadanittant fost il-membri proposti għall-grupp Sago hemm sitt esperti li xhur ilu marru fiċ-Ċina bħala parti mill-iskwadra oriġinali li kellha ssib proprju kif kien feġġ il-coronavirus qattiel li l-effetti tiegħu għadhom qed jinħassu sallum.