Internazzjonali

L-Italja: ‘Arrivederci’ lil Alitalia wara 74 sena

Illum hi l-aħħar ġurnata ta’ ħidma uffiċjali għal-linja tal-ajru Alitalia — li l-aħħar titjira tagħha taħt dan l-isem kienet skedata proprju għal dawn is-sigħat.

Post l-Alitalia, bħala l-linja tal-ajru nazzjonali ġdida, ħaditu l-linja tal-ajru ITA li għandha tibda s-servizzi proprju minn għada, il-Ġimgħa.

L-aħħar titjira tal-Alitalia — skedata minn Ruma għal Cagliari — qed tikkonkludi storja ta’ 74 sena għall-Italja u din il-linja tal-ajru li fl-aħħar snin ħabbtet wiċċha ma mhux ftit intoppi u kontroversji.

Fil-fatt, dawn huma żmenijiet problematiċi għall-ħaddiema tal-Alitalia li ħafna minnhom mhumiex se jkunu impjegati mill-ITA matul ix-xhur u s-snin li ġejjin.

Fil-fatt, l-Alitalia, illum, falliet bħala entità u dawn huma sigħat emozzjonali għal ħafna Taljani li kienu jqisu l-emblema ikonika fuq l-ajruplani ta’ din il-linja bħala simbolu ewlieni ta’ pajjiżhom.